Fil-jiem li għaddew ġew ordnati tliet Djakni ġodda fl-Arċidjoċesi ta’ Malta – Fra Mauro Zammit OFM Conv., Bro. Raphael Axisa SDB u Bro. Matthew Alfino SDB. Fl-omelija tal-ordinazzjoni, l-Arċisqof Charles J. Scicluna, ħeġġeġ lit-tliet reliġjużi jimxu fuq kliem San Pawl lil Timotju: “Kun ta’ eżempju għal dawk li jemmnu, fi kliemek u fl-imġiba tiegħek, fl-imħabba, fil-fidi, fis-safa” (1 Tim 4:12) — u fakkar lid-djakni ġodda biex ikunu eżempju ħaj tal-Evanġelju. Sostna li d-djakonat hu “għal dejjem. Il-Mulej jimmarkakom b’din il-vokazzjoni li tkunu qaddejja tal-verità, qaddejja tal-artal u qaddejja tal-fqar. Intom djakni, intom qaddejja. Imma l-ewwel vokazzjoni tagħkom hija li tkunu ta’ eżempju”.
Spjega kif li jkunu qaddejja tal-verità ma jfissirx li jipposseduha imma li jħallu l-verità tal-Kelma ta’ Alla tħaddanhom. L-Arċisqof żied jgħid li bħala qaddejja tal-artal huma msejħa għal ħajja ta’ talb, jippreżentaw quddiem Alla d-dgħufija tagħhom stess flimkien ma’ dik tal-umanità kollha; u bħala qaddejja tal-fqar, għandhom jiftakru li kull awtorità fil-Knisja hija servizz — “fqar jaqdu lill-fqar” — mibni fuq l-għarfien tal-faqar tagħhom stess quddiem Alla.
L-Arċisqof indirizza lil kull wieħed mid-djakni personalment. Fakkar lil Fra Mauro, ordnat f’din is-sena qaddisa ta’ San Franġisk, dwar l-għażla tal-fundatur tiegħu li jgħix fil-faqar mal-fqar. Lil Bro. Matthew u Bro. Raphael, ulied San Ġwann Bosco, fakkarhom li l-fundatur tagħhom “qatt ma fittex il-glorja tad-dinja imma kien ta’ qadi għaż-żgħażagħ” u għallem lill-edukaturi jużaw imħabba u paċenzja aktar milli ħruxija magħhom.
Temm billi esprima t-tama li x-xhieda tagħhom tqanqal vokazzjonijiet ġodda, u biex inkomplu nitolbu għall-valuri tal-faqar, il-kastità u l-ubbidjenza li jibqgħu dejjem sfida għal soċjetà li tiġri wara l-flus u li tuża lill-bniedem bħala strument.
Dan il-ġurnal tkellem maż-żewġ Djakni Sależjani ġodda – Rev. Raphael Axisa SDB u Rev. Matthew Alfino SDB, li tawna iktar dettalji.
Rev. Raphael Axisa SDB
Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?
Żgur li l-ħames snin li għamilt ġewwa Savio College bħala student immarkawni. Matul dawn is-snin iltqajt ma’ diversi Salesjani li kienu jkunu magħna f’diversi mumenti differenti tul il-ġranet tal-iskola: magħna fil-breaks, filwaqt li wħud kienu wkoll jgħallmuna. Kienu bħal qishom ħbieb tagħna. Fl-iskola kien hemm ambjent ta’ familja li bla ma trid jiġbdek. Introduċewna wkoll għall-figura u l-kariżma ta’ Dun Bosco. Hekk kif spiċċajt il-Form 5, bqajt involut ġewwa Savio College bħala animatur fid-diversi attivitajiet li kienu jsiru wara l-ħin tal-iskola, fil-weekends u fis-sajf. Kien tul dawn is-snin li bdejt nistaqsi u nara jekk il-ħajja Salesjana u s-saċerdozju humiex għalija jew le. L-eżempju ta’ diversi saċerdoti Salesjani kien ġibidni.
U għaliex għażilt li ssir Salesjan ta’ Don Bosco?
Kif diġa għedt, qattajt ħafna snin mas-Salesjani. Tawni ħafna u ħassejt is-seħja sabiex, mill-ħafna li irċivejt mingħand is-Salesjani tul is-snin, nipprova inħalli lill-Mulej jużani sabiex dan ngħaddih lit-tfal u ż-żgħażagħ li llum il-ġurnata bħala Salesjan niltaqa’ magħhom.
Kif qed tħares lejn din is-sena ta’ Djakonat?
Dak li qed ngħixu din is-sena huwa d-djakonat tranżitorju, li fi ftit żmien iwassalna sabiex niġu ordnati saċerdoti. Hi sena ta’ preparazzjoni iktar profonda permezz tat-talb, it-tixrid u l-għixien tal-Kelma, u is-servizz lejn il-proxxmu – b’mod partikolari aħna s-Salesjani, lejn it-tfal u ż-żgħażagħ l-iktar fqar. Hija sena wkoll fejn matulha nibdew namministraw ċerti Sagramenti tal-Knisja, bħaż-żwieġ u l-magħmudija, filwaqt li nagħtu sehemna fuq l-altar waqt il-Quddiesa.
Min hu Kristu ghalik?
Kristu huwa dak li lili jħobbni kif jien. Huwa dak li sejjaħli u li kuljum għadu jsejjaħli sabiex nagħti ħajti għalih bħala Salesjan ta’ Dun Bosco. B’mod iktar konkret, inqis li Kristu huwa kull persuna li niltaqa’ magħha kull fejn inkun. Jekk ma jirnexxilix nara lil Kristu f’ ta’ madwari, ftit nista nsibu fit-talb u fl-Ewkaristija.
Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bħala qassis?
Nemmen li kull Nisrani huwa msejjaħ biex ikun Kristu ieħor. Ovvjament il-qassis għandu mod partikolari kif ikun Kristu ieħor, billi jservi bħala ragħaj tal-merħla fdata f’idejh. Mhix dejjem faċli, għax fl-aħħar mill-aħħar jien, bħal kulħadd, uman. Pero nafda fl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li jkun miegħi sabiex nipprova nimita lil Kristu fil-mod kif ngħix.
X’jogħġbok u xi jbeżżgħek fil-ħajja saċerdotali?
Hija grazzja kbira li nistgħu nkunu ta’ servizz għall-poplu ta’ Alla permezz tas-Saagramenti. Barra minn hekk, is-saċerdot għandu x-xorti li jista jakkumpanja f’mumenti kritiċi tal-ħajja, bħal ngħidu aħna, fil-mument tal-mewt. M’humiex mumenti faċli iżda nħoss li huma ta’ privileġġ. Ibeżżgħani ħafna l-klerikaliżmu u r-riskju li naħsbu li l-kullar jagħmilna superjuri.
X’inhu r-rwol ta’ qassis fis-soċjetà tal-lum? Min hu l-qassis?
Naħseb li l-qassis illum huwa dak li jimxi man-nies, li jakkumpanja fil-ħajja, b’mod partikolari fil-mixja tal-fidi. Jakkumpanja lin-nies sabiex jaslu jagħmlu sens minn ħajjithom u jagħrafu li Alla jħobbhom.
Għaliex taħseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?
Naħseb li għaddejna minn fażi fejn it-twemmin m’għadux biss tradizzjoni iżda sar tfittxija ġenwina għal skop fil-ħajja. M’għadhiex fidi tal-kwantita’ imma tal-kwalita’. Il-Knisja, bħal kull istituzzjoni umana oħra, xi drabi żbaljat u n-nies tbiegħdu. Pero’ nemmen li hawn ħafna żgħażagħ li qed ifittxu u qed jerġgħu jersqu lejn il-Knisja – żgħażagħ involuti fi gruppi żgħar fil-parroċċi jew gruppi oħra li flimkien jaqsmu mixja ta’ fidi. Li sempliċiment ngħidu li ż-żgħażagħ qed jitilqu mill-Knisja naħseb li huwa sweeping statement. Fl-Ewropa nħoss li bil-mod il-mod hawn ċaqliqa u ħafna żgħażagħ qed isibu sens f’ħajja mgħixa ma’ Kristu.
Għaddi messaġġ finali lil min qed iħoss is-sejħa saċerdotali iżda qed jibża’ jwieġeb għaliha.
Il-biżgħa hija l-ewwel u l-aqwa arma tax-xitan. Tajjeb li wieħed isib persuna bis-sens li takkumpanjah sabiex jasal jiddixxerni u jifhem Alla xi jrid minnu. Importanti ovvjament it-talb u s-Sagramenti, li jwassluna biex nibnu relazzjoni intima’ ma’ Alla. Nemmen li importanti wkoll li wieħed jieħu ż-żmien tiegħu biex jiddeċiedi. Fl-aħħar mill-aħħar, l-ikbar sinjal huwa l-paċi tal-qalb. Jekk wieħed iħossu seren fil-proċess ta’ dixxerniment, naħseb li huwa l-ikbar sinjal li Alla jista jagħti. Fl-aħħar mill-aħħar Alla jridna nkunu kuntenti u sereni fil-ħajja li jistedinna nidħlu għaliha.
============
Rev. Matthew Alfino SDB
Kif ġietek il-vokazzjoni biex issir saċerdot?
Kont nattendi l-Oratorju għal ħafna snin, u b’xi mod nista’ ngħid li trabbejt mas-Sależjani. Għalkemm kont dejjem f’dak l-ambjent, fil-bidu ma kontx nikkunsidra din il-ħajja. Kif ukoll ippruvajt diversi xogħlijiet u toroq ta’ studju, imma qatt ma sibt triq ċara, kont qisu naħla, dejjem minn ħaġa għal oħra mingħajr ma nissetilja.Madankollu, waqt li kont naħdem ġewwa St Patricks (Residential Care) għal madwar għaxar snin, bdejt inħoss li hemm xi ħaġa differenti. Fil-qalb tiegħi bdejt inħoss sejħa, imma ma kellix il-kuraġġ nammettiha. Imbagħad fl-2016, ħabib tiegħi kkonfrontani u staqsieni mistoqsija sempliċi imma qawwija: “Għaliex qed taħrab minn dak li tista’ tkun?” U aktar tard fl-istess sena, ħabib ieħor staqsieni l-istess mistoqsija. Dik il-mistoqsija baqgħet miegħi u ġegħlitni nirrifletti bis-serjetà. Fil-qosor, hekk bdiet il-vokazzjoni tiegħi, l-ewwel bħala sejħa biex insir Sależjan, u mbagħad aktar ċar bħala sejħa għas-saċerdozju. Illum qed inkompli dan il-vjaġġ, u riċentement ġejt ordnat djaknu.
U għaliex għażilt li ssir Sależjan ta’ Don Bosco?
Kif għidt qabel, kont nattendi l-Oratorju u kont involut f’ St Patricks, u għalhekk l-ambjent Sależjan kien dejjem parti minn ħajti. Dak li verament ġibidni kienet il-kariżma u l-ispiritwalità Sależjana.B’mod partikolari, kont attirat mill-missjoni li tkun “għaż-żgħażagħ u maż-żgħażagħ.” Mhux biss li taħdem għaż-żgħażagħ, imma li timxi magħhom, tifhimhom u tkun preżenti fil-ħajja tagħhom. Jien stess esperjenzajtá din il-kariżma ħalliet impatt kbir fuqi. Maż-żmien bdejt nifhem li dan il-mod u kif tgħix l-Evanġelju, bil-ferħ, bil-preżenza u bl-akkumpanjament, u fl-aħħar mill-aħħar huwa dak li xtaqt ngħix jien ukoll. Għalhekk għażilt li nsir Sależjan ta’ Don Bosco.
Kif qed tħares lejn din is-sena ta’ Djakonat?
Qed inħares lejn din is-sena tad-djakonat b’sens qawwi ta’ responsabbiltà, imma wkoll b’ħafna gratitudni u miftuħ għal dak li Alla jrid minni. Għalija, li tkun djaknu jfisser li tkun qaddej. Baqgħu miegħi l-kliem tal-Arċisqof meta qalilna: “Intom ordnati djakni għal dejjem. Il-Mulej jimmarkakom b’din il-vokazzjoni li tkunu qaddejja tal-verità, qaddejja tal-artal u qaddejja tal-fqar. Intom djakni, intom qaddejja. Imma l-ewwel vokazzjoni tagħkom hija li tkunu ta’ eżempju.”Dan il-kliem jiggwidani ħafna kif qed nara din is-sena. Id-djakonat mhux sempliċement pass lejn is-saċerdozju, imma vokazzjoni fiha nnifisha, sejħa biex ngħix ħajja ta’ servizz b’mod konkret u viżibbli.Għalhekk qed naraha bħala żmien ta’ tkabbir fl-umiltà, fis-servizz, u li nkun xhud permezz tal-ħajja tiegħi, speċjalment ma’ dawk li huma fdati lili.
Min hu Kristu ghalik?
Jekk irrid nuża kelma waħda, ngħid din: KOLLOX. Kristu għalija hu kollox. Huwa ċ-ċentru ta’ ħajti, dak li jagħti sens lill-mixja tiegħi, lill-vokazzjoni tiegħi u lill-għażliet ta’ kuljum.Mhux biss xi ħadd li nitkellem fuqu, imma xi ħadd li nipprova nimxi warajh u niltaqa’ miegħu b’mod reali u personali, speċjalment fin-nies li niltaqa’ magħhom.
Kemm taspira li tkun Kristu ieħor bħala qassis?
Naħseb li hija x-xewqa ta’ kull Nisrani li jaspira li jkun bħal Kristu. Bħala djaknu, inħoss li dan iġib miegħu responsabbiltà akbar. Li ta’ kuljum inħalli lil Kristu jifforma aktar lil ħajjti. Għalija jfisser li nħalli lil Ġesù jkun dak li jispira l-ħsibijiet tiegħi, l-għemejjel tiegħi u l-mod kif nirrelata man-nies. Kif jgħid San Pawl: “Mhux jien għadni ngħix, imma Kristu jgħix fija” (Galatin 2:20).
X’jogħġbok u xi jbeżżgħek fil-ħajja saċerdotali?
Dak li jogħġobni l-aktar huwa li nkun qrib ta’ Alla u ngħix ħajja ta’ servizz, speċjalment għall-Knisja, għat-tfal u għaż-żgħażagħ.Aktar milli biża’, hemm mistoqsija li spiss tiġi f’moħħi: “Għaliex jien?” Għaliex din l-istorja? Għaliex din it-triq, speċjalment meta nħares lura lejn passat kemmxejn movimentat ta’ ħajti? Xi drabi nħoss li hemm oħrajn li forsi jistħoqqilhom aktar. Imma fl-istess ħin niftakar li l-vokazzjoni mhijiex dwar min hu perfett, imma dwar min hu msejjaħ. U Alla li jsejjaħ lil kull wieħed b’mod uniku. Allura anke f’din il-mistoqsija, insib umiltà, imma wkoll fiduċja.
X’inhu r-rwol ta’ qassis fis-soċjetà tal-lum? Min hu l-qassis?
Ippermettili nerġa’ nirreferi għall-kliem tal-Arċisqof li ddeskriva lid-djaknu u b’estensjoni lill-qassis, bħala qaddej f’tliet modi importanti.
L-ewwel nett, qaddej tal-verità, speċjalment f’dinja fejn il-verità qed tiġi kompromessa jew relativizzata.
It-tieni, qaddej tal-artal, fejn jgħin jagħti sens ta’ identità u komunjoni, f’soċjetà fejn il-frammentazzjoni qed issir dejjem aktar tanġibbli.
U t-tielet, qaddej tal-fqar, fejn huwa msejjaħ iħares u jsaħħaħ id-dinjità tal-bniedem, dinjità li tibqa’ sal-aħħar.
F’dan is-sens, il-qassis huwa medjatur u qaddej, wieħed li jġorr dan kollu fil-ħajja u fil-ministeru tiegħu. Salesjan wara l-ordinazzjoni tani immaġni sabiħa ħafna: l-istola li jilbsu d-djakni, il-qassisin u l-isqfijiet tfakkarna fil-madmad ta’ Kristu. Bħar-Ragħaj it-Tajjeb, aħna msejħin inġorru n-nagħġa fuq spallejna. L-istola madwar għonqna ssir sinjal ta’ din ir-responsabbiltà, sejħa biex inġorru lill-oħrajn b’imħabba.
Għaliex taħseb li tant żgħażagħ mhux qed jersqu lejn il-Knisja jew is-saċerdot jew għad hawn żgħażagħ li jfittxu l-bżonn tal-Knisja u s-saċerdot fil-ħajja tagħhom?
Din hija mistoqsija delikata ħafna, u ma jkunx għaqli li nipprova nweġibha b’mod sempliċi jew fi ftit kliem. Madankollu, naħseb li hemm bżonn nagħmlu eżerċizzju ta’ “soul-searching”. Irridu nistaqsu lilna nfusna: Kif qed jiġi ppreżentat Kristu llum? U kif il-Knisja qed tippreżenta lilha nnifisha? Qed ngħixu wkoll f’kultura fejn id-distrazzjoni saret kważi d-“dieta” ta’ kuljum. Dan jagħmilha aktar diffiċli għaż-żgħażagħ biex jieqfu, jirriflettu u jistaqsu mistoqsijiet aktar profondi dwar il-ħajja u l-fidi. Fl-istess ħin, importanti ngħidu li għad hemm ħafna żgħażagħ li qed ifittxu, li jistaqsu mistoqsijiet importanti u sinjifikanti. U bħal f’kull qasam ieħor, hemm bżonn ta’ persuni li huma ffurmati biex jakkumpanjaw lil oħrajn. Id-djaknu jew il-qassis, wara snin ta’ formazzjoni, huwa msejjaħ jimxi maż-żgħażagħ, jisma’, jidħol f’djalogu miftuħ, u jgħinhom jiltaqgħu ma’ Kristu. Għalhekk ir-rwol jibqa’ importanti, li tkun preżenti, li takkumpanja, u li tippreżenta lil Kristu lil dawk li qed ifittxuh.
Għaddi messaġġ finali lil min qed iħoss is-sejħa saċerdotali iżda qed jibża’ jwieġeb għaliha.
Nxtieq inħalli messaġġ sempliċi.
L-ewwel nett, mhux jien qed nistedinkom, imma Kristu nnifsu li qed isejħilkom.
Kif jgħid fil-Vanġelu: “Ejja, imxi warajja” (Mattew 4:19). Jekk tħoss xi ħaġa fil-qalb tiegħek, tibżax minnha. Huwa normali li tistaqsi u anke li tiddubita, dan kollu huwa parti mill-mixja.
Imma tħallihiex tgħaddi.
Tkellem ma’ xi ħadd, fittex gwida, speċjalment ma’ direttur spiritwali, u agħti spazju lilek innifsek biex tisma’, u tiddejjaqx titlob! Hu hemm qiegħed jisma’!
Nista’ ngħid mill-esperjenza tiegħi: hija ħajja sabiħa. Għandha l-mumenti tagħha, bħalma għandu kollox, imma hija ħajja mimlija sens, ferħ u skop.
Allura tibżax twieġeb. – Nitolbu għal xulxin! Barkiet!


