Thursday, May 7, 2026

Chris Camilleri … l-istorja tiegħu mhijiex biss dwar gowls u logħbiet, iżda dwar appartenenza, komunità u mħabba lejn il-logħba

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fil-futbol Għawdxi, hemm ismijiet li jibqgħu marbuta mal-identità tal-klabb u mal-istorja tiegħu. Wieħed minn dawn huwa bla dubju Christopher Camilleri, plejer ta’ nofs il-grawnd meqjus bħala veteran li għadda minn diversi klabbs matul il-karriera tiegħu, iżda li dejjem baqa’ marbut b’mod speċjali ma’ Xagħra United.

Illum, fl-età ta’ 46 sena, Camilleri għadu attiv fil-futbol u jkompli jġorr miegħu esperjenza vasta mibnija fuq aktar minn tliet deċennji fil-logħba. Minn età żgħira ħafna kien diġà qed juri passjoni kbira għall-futbol, u kif jgħid hu stess, kollox beda fir-raħal tiegħu.

“Bdejt nilgħab il-futbol ta’ madwar għaxar snin ma’ Xagħra. Konna nagħmlu tournaments ma’ klabbs oħra Għawdxin u minn hemm bdiet tikber l-imħabba tiegħi lejn il-logħba,” jirrakkonta Camilleri.

Meta kellu biss 12-il sena, ingħata opportunità importanti meta kien inkluż f’ambjent aktar strutturat ma’ Santa Venera Lightnings, filwaqt li baqa’ wkoll jilgħab ma’ Xagħra.

Dak iż-żmien kellu wkoll esperjenza mal-iskwadra nazzjonali ta’ taħt it-12-il sena taħt il-gwida tal-kowċ Stephen Azzopardi, pass li għenu jikber kemm bħala plejer kif ukoll bħala persuna.

“Kont nitla’ Malta u noqogħdu għal tmiem il-ġimgħafl-istitut ta’ Santa Venera. Kienet esperjenza sabiħa ħafna għalija u għenitni nimmatura,” jgħid.

Kien madwar l-età ta’ 15-il sena meta ngħata ċ-ċans jilgħab mat-tim tal-kbar, opportunità li waslet permezz tal-fiduċja ta’ president Karistu Mercieca. Sena wara, kompla jsaħħaħ postu fit-tim u beda jħossu parti integrali mill-iskwadra.

Matul il-karriera tiegħu, Camilleri lagħab ma’ diversi klabbs prominenti fil-futbol Għawdxi fosthom Xewkija Tigers, Nadur Youngsters, Għajnsielem u Victoria Hotspurs. Minkejja dawn il-mossi, dejjem baqa’ jżomm rabta emozzjonali ma’ Xagħra United.

“Jiena kburi li bdejt u issa qed nikkonkludi l-karriera tiegħi ma’ Xagħra. Huwa klabb li tani kollox,” jistqarr.

In-numri tiegħu jitkellmu waħedhom hekk kif lagħab aktar minn 700 logħba kompetittiva u madwar 270 gowl skorjati. Għal midfielder, dawn huma statistiċi impressjonanti li juru kemm kien effettiv fil-logħba offensiva.

“Dejjem kont inħobb nipprova xuttijiet minn barra l-kaxxa. Naħseb li l-isbaħ gowl li qatt skorjajt kien meta kont ma’ Xewkija Tigers kontra Victoria Hotspurs, kont bejn nofs il-grawnd u l-kaxxa, ikkontrollajt il-ballun u b’xutt mill-ewwel li lqattu b’saħħa li ħabat bejn iż-żewġ lasti u pront daħal ġewwa.”

Aspett ieħor li jispikka fil-karriera ta’ Camilleri huwa l-konsistenza tiegħu matul is-snin. Mhux faċli li plejer jibqa’ kompetittiv u rilevanti għal aktar minn tliet deċennji, speċjalment f’livell lokali fejn il-bidliet fil-logħba huma kontinwi. Il-kapaċità tiegħu li jadatta għal stili differenti ta’ logħob u li jibqa’ joffri kontribut lit-timijiet li lagħab magħhom turi kemm għandu mentalità b’saħħitha u professjonali.

Anke f’età avvanzata għall-futbol, Camilleri jibqa’ eżempju ta’ dixxiplina u impenn, kwalitajiet li jagħmluh figura rispettata kemm fuq kif ukoll barra l-grawnd.

B’esperjenza ta’ aktar minn 30 sena fil-logħba, Camilleri kellu ċ-ċans jara kif il-futbol Għawdxi evolva matul iż-żmien.

“Rajtu jinbidel ħafna. Meta bdejt jien, il-grawnds kienu differenti, u mbagħad bdiet tidħol l-art sintetika. Illum hemm aktar organizzazzjoni u struttura,” jispjega.

Huwa jitkellem ukoll dwar id-differenza fil-livell tal-plejers barranin li kienu jilagħbu fil-passat meta mqabbel ma’ dawk tal-lum.

“Dak iż-żmien, il-ftit barranin li kienu jiġu kienu ta’ livell għoli ħafna. Illum għandek aktar varjetà, imma dak iż-żmien kien hemm kwalità kbira. Forsi għax ma kienx hemm midja soċjali u għalhekk min kien joħroġ barra pajjiżu kien ikun tassew tajjeb.”

Aspett li Camilleri jqis bħala kruċjali għas-suċċess ta’ kull klabb huwa s-support li jiġi mill-partitarji.

“Is-sapport huwa kollox. Meta kont plejer, kien jagħtini spinta kbira. Minn 12-il kampjonat li rbaħt, kollha ġew ma’ klabbs li kellhom support qawwi,” jgħid.

Huwa jħeġġeġ lill-partitarji ta’ Xagħra biex ikomplu jappoġġjaw lill-klabb, speċjalment f’mument fejn qed jippruvaw jibnu mill-ġdid.

“Xagħra huwa klabb kbir. Għaddejna minn mumenti diffiċli, imma qed nippruvaw nerġgħu nibnu. Nixtieq li n-nies jingħaqdu u jagħtuna s-support tagħhom, għax dan jagħmel differenza kbira.”

Bħal kull atleta li ilu snin twal fil-logħba, Camilleri kellu wkoll l-isfidi tiegħu, fosthom problemi fl-irkopptejn li wasal għal xi injuries. Minkejja dan, xorta baqa’ attiv u anke din is-sena lagħab fil-kategorija tal-veterani ma’ Hibernians.

Dan juri kemm il-passjoni tiegħu għall-futbol għadha qawwija sal-lum.

Illum, Camilleri għadu parti minn Xagħra United FC u qed jikkontribwixxi kemm jista’ biex jgħin lill-klabb jimxi ’l quddiem. Għalih, il-futbol mhuwiex biss logħba, iżda parti essenzjali mill-identità tiegħu.

“Nemmen li t-talent tiegħi beda max-Xagħra, u għalija huwa importanti li nagħti lura lill-klabb li tani tant.”

Christopher Camilleri huwa eżempju ċar ta’ dedikazzjoni, lealtà u passjoni lejn il-futbol. Karriera twila u mimlija esperjenzi, suċċessi u sfidi li ffurmaw plejer rispettat fil-futbol Għawdxi.

L-istorja tiegħu mhijiex biss dwar gowls u logħbiet, iżda dwar appartenenza, komunità u mħabba lejn il-logħba, valuri li jibqgħu jgħixu anke wara li jintemm il-karriera fuq il-grawnd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport