Saturday, April 27, 2024

Madwar 200 familja fil-Mosta jibbenefikaw minn żewġ proġetti ta’ riġenerazzjoni

Aqra wkoll

Madwar 200 familja residenti fiż-żona ta’ akkomodazzjoni soċjali magħrufa bħala Ta’ Mlit, fil-lokalità tal-Mosta, ibbenefikaw minn żewġ proġetti ta’ riġenerazzjoni li se jfissru kwalità ta’ ħajja aħjar għalihom.

Dan ħabbru l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes waqt l-inawgurazzjoni tar-riġenerazzjoni tal-faċċati, bjut u komuni tal-appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali u l-inawgurazzjoni ta’ żona ta’ rikreazzjoni ġdida.

“B’investiment totali ta’ aktar minn €2 miljun, dawn iż-żewġ proġetti jikkonfermaw ir-rieda tagħna bħala Gvern lejn il-komunitajiet tagħna, fejn qed naraw li noffru kwalità ta’ ħajja aħjar b’mod ħolistiku lil dawn ir-residenti,” saħaq il-ministru.

Il-proġett ta’ żona ġdida għar-rikreazzjoni sar b’fondi mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Il-proġett kien jikkonsisti f’riġenerazzjoni totali taż-żona, żieda fl-aċċessibbiltà permezz ta’ rampi, tħawwil ta’ siġar u sistema ta’ panelli solari li se jkunu qed jiġġeneraw l-elettriku f’din iż-żona.

Dawn il-familji jingħaqdu mal-2,000 resident u 270 blokka li l-Awtorità tad-Djar fl-aħħar tliet snin irriġenerat b’investiment li jlaħħaq l-€10 miljun.

“Dan l-investiment huwa sinjal ieħor b’saħħtu tal-impenn li dan il-Gvern għandu lejn is-settur tal-akkomodazzjoni, settur li nqisuh bħala pilastru soċju-ekonomiku importanti fil-formulazzjoni ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Galdes.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila.

Sport