Monday, December 9, 2024

Madwar 25 carers barranin f’kors ta’ taħriġ fl-ilsien Malti

Aqra wkoll

Bħalissa hemm 116-il-carer barranin impjegati tal-kuntrattur li jaħdmu fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. 25 minn dawn il-carers qed jattendu l-kors fl-ilsien Malti filwaqt li l-91 l-oħra qed jistennew biex jibdew dan il-kors. Dan ġie kkonfermat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela fil-Parlament, waqt li kien qiegħed iwieġeb għal mistoqsija li saritlu mid-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici. 

Il-Ministru tas-Saħħa spjega li dan il-kors, li huwa twil 50 siegħa, jintroduċi lill-istudenti ma’ kliem li jintuża waqt diskursati dwar aspetti tal-mediċina fl-istess waqt li jiffoka fuq it-terminoloġija użata biex tirreferi għall-anatomija, il- komunikazzjoni li ssir bejn professjonist u l-pazjent. Dan se jgħin lill-istudent jifhem is-sintomi tal-pazjent espressi bil-lingwa Maltija, kif ukoll jikkomunika aħjar f’ambjent kliniku Malti.

Il-Ministru Abela rrimarka li matul dan il-kors, l-istudenti jkollhom l-opportunità li jkabbru l-ħiliet tagħhom fil-komunikazzjoni permezz ta’ diskursati mediċi kif ukoll permezz ta’ logħob. Qal ukoll li aktar minn hekk, l-istudenti jkunu esposti għall-bażi tal-grammatika Maltija u għal vokabularju li jista’ jgħinhom sabiex jikkomunikaw f’ambjent mediku. 

Tenna li l-Awtorità tal-Istandards għall-Persuni Anzjani tivverifika li l-istaff li jaħdem fid-djar tal-anzjani u ma jitkellimx bil-lingwa Maltija jingħata t-taħriġ relatat mas-settur.

Ekonomija

Sport