Monday, December 9, 2024

Mixli li ta daqqa ta’ sikkina f’għonq is-sieħba waqt li kienet rieqda

Aqra wkoll

Raġel ta’ 30 sena nżamm arrestat wara li ġie mixli li ta daqqa ta’ sikkina f’għonq is-sieħba tiegħu waqt li din kienet rieqda.

Ir-raġel tressaq fil-Qorti l-Ħamis mixli li kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq is-sieħba tiegħu u li żammha kotra l-volontà tagħha. Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Fil-Qorti nstema’ kif il-pulizija kienu infurmati li mara kienet iddaħħlet l-Isptar Mater Dei wara li allegatament qalgħet daqqiet ta’ sikkina f’għonqha mis-sieħeb tagħha.

Il-mara kienet qalet lill-istaff mediku u lill-uffiċjali tal-pulizija li s-sieħeb tagħha kien allegatament hedded li se joqtol lilu nnifsu.

L-uffiċjali tal-pulizija marru minnufih biex jarrestaw lir-raġel f’guesthouse fis-Swieqi. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei u wara ddaħħal l-Isptar Monte Carmeli.

L-Ispettur Omar Zammit, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega fil-Qorti kif l-imputat kien arrestat immedjatament l-Erbgħa waranofsinhar, wara li ġie rilaxxat mill-Isptar Monte Carmeli.

L-imputat baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

L-Avukat Herman Mula deher għar-raġel.

Ekonomija

Sport