Monday, December 9, 2024

VIŻJONI ĊARA TAL-PRIM MINISTRU GĦALL-FUTUR 

Aqra wkoll

Fid-diskors li għamel nhar it-Tlieta, bi tweġiba għal dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dwar il-Budget 2025 fil-jum ta’ qabel, il-Prim Ministru Robert Abela kien ċar fi kliemu dwar il-viżjoni li jrid għal Malta ta’ għada b’ekonomija ta’ opportunitajiet u kwalità li tiggarantixxi li l-Maltin u l-Għawdxin jgħixu f’pajjiż sigur u trankwill. 

Dan nemmnuh għaliex il-Gvern Laburista dejjem żamm mal-wegħdiet li għamel. B’danakollu minkejja li l-viżjoni li witta l-Prim Ministru hija għat-tul, ma nistgħux niskartaw l-isfidi u r-realtajiet tal-mument. Iżda għandna għax inqawwu qalbna li l-ġejjieni ta’ pajjiżna se jkun mibni fuq dak li jridu u dak li jaspiraw għalih il-Maltin u l-Għawdxin. 

Il-prijorità se tkun fil-fehma tagħna l-kwalità fit-totalità tagħha mhux biss f’dak li huwa għajxien tal-familji imma wkoll f’dawk li huma mpjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol li jistgħu jkunu mtejba permezz tat-taħriġ li jwasslu għal ħiliet u kompetenzi akbar tal-ħaddiema tagħna. 

Pajjiżna se jiffoka wkoll fuq il-kwalità fis-settur tat-turiżmu u l-ospitalità. Settur li f’dawn l-aħħar żminijiet bata ħafna primarjament minn nuqqas ta’ ħaddiema u kif ukoll minn ħaddiema barranin li daħlu f’dan is-settur bla ma kienu jafu jitkellmu bl-ilsien tagħna, bil-konsegwenza li ma kienx hemm komunikazzjoni tajba bejn il-klijent u l-impjegat. 

Għalhekk din il-problema jidher li qed tiġi indirizzata mhux biss bl-introduzzjoni tal-iskill cards imma wkoll b’korsijiet diversi li dawn il-ħaddiema jridu jagħmlu biex itejbu l-mod kif jaqdu u jikkomunikaw mal-klijenti. Biss biss insemmu li l-introduzzjoni tal-iskill cards ħalliet riżultati tajbin għax permezz tagħha għolew ‘il fuq l-istandards f’din l-industrija li hija pilastru ewlieni għall-ekonomija nazzjonali. 

Aħna konvinti li l-viżjoni li se tkun mibnija fuq il-kwalità u mhux se tkun limitata biss għas-setturi ekonomiċi imma wkoll se tinkorpora fiha l-aspett soċjali, fejn f’dawn l-aħħar snin komplejna naraw jiġu introdotti miżuri li bla dubju mhux biss tejbu l-kwalità tal-ħajja imma xprunaw il-qabża ‘l quddiem ta’ ħafna familji u żgħażagħ Maltin permezz tal-inċentivi u s-sussidji li ngħataw b’mod partikolari biex ma jogħlewx il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils.

Ma nistgħux ma niftakrux ukoll fit-titjib li sar fis-settur edukattiv, l-aktar permezz ta’ titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-edukaturi, li kien ilu mistenni għal snin twal. Nistennew ukoll li ċertu proġetti li kien ilhom imwiegħda mhux biss jitwettqu, imma jitwettqu fil-ħin stipulat. Fosthom it-trakka tal-karozzi li tissodisfa lid-dilettanti tal-motorsports. Ninkoraġġixxu għalhekk li x-xogħol li nbeda jitkompla u jwassal għat-tmiem ta’ dan il-proġett u l-bidu ta’ dixxiplina oħra sportiva f’pajjiżna. 

Nemmnu wkoll li l-viżjoni Malta 2050 se tkun viżjoni ta’ poplu wieħed u magħqud, li jrid ifassal il-miri strateġiċi ta’ pajjiżna f’kull settur b’risq il-faxex kollha tas-soċjetà Maltija. 

Ekonomija

Sport