SLOVAKKJA……… 2
MALTA…………….. 1
F’partita ta’ ħbiberija li ntlagħbet fis-Slovakkja, il-Maltin ġew ikkastigati b’goal fl-aħħar sekondi tal-ħin miżjud biex sfaw megħluba bl-iskor ta’ 2-1.
Notevoli l-inklużjoni mal-ewwel 11 tal-Maltin taż-żewġ players żgħażagħ, Keyon Ewurum u Kean Scicluna. Intant, daqstant ieħor notevoli kienet l-esklużjoni taż-żewġ players ewlenin Slovakki, Milan Skiniar u Stanislav Lobotka.
Għal pajjiżna, għamlu id-debutt tagħhom il-player ta’ Cosenza fl-Italja, Kevin Cannavo li ġie utilizzat fil-ftuħ tat-tieni taqsima fejn ħa post Keyon Ewurum, kif ukoll il-player ta’ Floriana li flaħħar staġun lagħab b’self ma’ Birkirkara, Aleandro Garzia fejn ħa post Ilyas Chouaref fl-74 minuta.
Malta terġa’ tkun impenjata f’logħba oħra ta’ ħbiberija ukoll barra minn darna din id-darba kontra l-Azerbaijan nhar il-Ġimgħa li ġej fit-8.00 pm, filwaqt li s-Slovakkja jilqgħu lill-Montenegero fl-istess jum.
Is-Slovakki għamlu l-intenzjonijiet tagħhom ċari mal-ftuħ tal-partita u wara biss żewg minuti, xutt minn pożizzjoni ideali ta’ Haraslin għadda ftit barra.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u żewġ minuti biss wara, resqu qrib li jiftħu l-iskor iżda x-xutt ta’ Harsalin ġie mblukkat mill-goalkeeper, Henry Bonello.
Fid-disa’ minuta, is-Slovakki fetħu l-iskor liema azzjoni bdiet meta Scicluna tilef il-pussess tal-ballun f’nofs il-ground li wasal għand LUKAS HARASLIN li evita lil Zach Muscat qabel ma xeħet il-ballun fix-xibka.
Il-Maltin għamlu reazzjoni u fl-14-il minuta, Ewurun venven xutt minn pożizzjoni angolata iżda falla l-mira bi ftit meta għadda jħakkek mal-mimduda.
Fl-24 minuta, is-Slovakki fallew ċans tad-deheb li jirduppjaw meta l-iżmarkat Strelac ra lil Bonello jsalva fuq żewġ tentattivi biex il-goalkeeper Malti evita goal ċert.
Fis-37 minuta, il-Maltin kisbu d-draw meta Zach Muscat xeħet cross perikoluż fil-kaxxa avversarja bil-ballun jasal għand JOSEPH MBONG li kkontrollah bil-koxxa u bil-kalma kollha xeħet fir-rokna tax-xibka.
Il-pressjoni kienet kollha fuq is-Slovakkja u fil-41 minuta resqu qrib li jerġgħu imorru fil-vantaġġ meta Obed permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ra lil Bonello jiddistingwi lilu nnifsu billi dawwar f’corner.
Fit-tieni taqsima, il-partita naqset ferm mir-rendiment tagħha u kien biss fis-77 minuta li waslet l-ewwel azzjoni meta l-iżmarkat Andrea Zammit ma rnexxielux jinkwadra l-lasti.
Fil-ħin miżjud, is-Slovakki kienu ferm sfortunati li ma skorjawx il-goal tar-rebħa, meta s-sostitut Peter Kovacik, kellu x-xutt mid-distanza jaħbat mal-wieqfa qabel intemm barra.
Iżda huma ma kellhomx jiġu mċaħħda litteralment fl-aħħar sekonda tal-ħin miżjud, meta s-sostitut ROLAND GALCIK, mill-viċin u permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka, bir-referee Ungeriż, Mihaly Kapraly, li kellu partita tajba, isaffar tmiem il-partita mmedjatament wara.
Slovakkja: Domnik Takac, Martin Valjent (Michal Fasko 80), Lubomir Satka (Krisztian Bari 80), Peter Pokomy (Matus Bero 46), Tomas Suslov (Roland Galcik 67), Ondrej Duda (Artur Gajdos 67), Laszlo Benes (Adrian Kapralik 46), David Strelec (Robert Bozenic 40), Adam Obert, Lukas Haraslin (Mario Sauer 67), Hugo Pavek (Peter Kovacik 80) – Coach: Vladimir Weiss
Malta: Henry Bonello, Kean Scicluna (Enrico Pepe 46), Kurt Shaw (Jean Borg 95), Matthew Guillaumier (Jake Grech 94), Joseph Mbong (Paul Mbong 46), Teddy Teuma (Brandon Diego Paiber 59), Ilyas Chouaref (Aleandro Garzia 74), Juan Carlos Corbalan (Myles Beerman 46), Zach Muscat (Gabriel Bohrer Mentz 59), Alexander Satariano (Andrea Zammit 59), Keyon Ewurum (Kevin Cannavó 46) – Coach: Emilio De Leo
Referee: Mihaly Kapraly (Ungerija)
assistenti: Peter Kobor, Theodoros Georgiou (Ungerija)
Raba’ Uff.: Balint Kiss (Slovakkja)
Skorers: L. Haraslin 9, R. Galcik 95 (S); J. Mbong 37 (M)
Ammoniti: O. Duda, T. Suslov (S); J. Corbalan, Z. Muscat, H. Bonello (M)


