Tuesday, June 2, 2026

Jawguraw lill-Partit Laburista u lill-Prim Ministru għar-rebħa storika fl-elezzjoni ġenerali

Aqra wkoll

Il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex ferħet lill-Partit Laburista għar-rebħa elettorali. Il-Kamra qalet li temmen li l-proċess elettorali huwa eżerċizzju demokratiku li jirrifletti l-aspirazzjonijiet u d-direzzjoni strateġika li l-pajjiż ikun irid jieħu f’punt partikolari tal-istorja tiegħu. 

F’dan ix-xenarju, il-Kamra tibqa’ kommessa li taħdem mal-Gvern fuq il-prijoritajiet strateġiċi għal Għawdex. “Id-djalogu bejn il-Gvern, is-soċjetà ċivili, u l-Oppożizzjoni, jibqa’ fiċ-ċentru biex Għawdex ikun jista’ jibqa’ miexi ’l quddiem.”

“Il-politika hija għodda biex jintlaħaq il-ġid komuni, u kull rebħa trid tiġi kkunsidrata bħala impenn biex l-aspirazzjonijiet u l-miri ta’ kulħadd jintlaħqu,” żied jingħad fi stqarrija maħruġa mill-Kamra tan-Negozju għal Għawdex.

Anke l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu għal Għawdex estenda l-awguri tiegħu lill-Prim Ministru Robert Abela għall-mandat ieħor fdat lilu mill-poplu Malti biex imexxi għall-ħames snin li ġejjin.

L-Assoċjazzjoni awgurat lill-Prim Ministru u l-Kabinett il-ġdid tiegħu mandat produttiv u ta’ suċċess fil-kariga. Mandat li jkompli jipprijoritizza s-sostenibilità fit-tul u l-kompetittività tas-settur tat-turiżmu, pilastru essenzjali tal-ekonomija tal-gżejjer Maltin.

Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni affermat mill-ġdid l-impenn sħiħ tagħha għal kollaborazzjoni kontinwa mal-Gvern, kif dejjem għamlet.

“It-tisħiħ ta’ din il-kollaborazzjoni jibqa’ essenzjali hekk kif is-settur ikompli jaħdem lejn turiżmu ta’ kwalità dejjiema u jaħdem għal aktar tkabbir u eċċellenza,” qalet l-Assoċjazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport