Minn Cristian Muscat
Sliema ASC komplew isaħħu l-iskwadra tagħhom għall-Kampjonat tas-Sajf 2026 hekk kif ħabbru l-akkwist tal-plejer internazzjonali Spanjol tal-waterpolo Alberto Barroso bħala l-player barrani tagħhom.
Il-wasla tiegħu qed titqies bħala waħda mill-aktar importanti tas-sajf, hekk kif il-klabb Slimiż se jkun qed iżid mal-iskwadra tiegħu plejer b’esperjenza vasta fl-ogħla livelli tal-waterpolo Ewropew u internazzjonali.
Barroso twieled fit-8 ta’ Lulju 1994 u matul il-karriera tiegħu stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar plejers importanti tal-waterpolo Spanjol. Bħala attakkant xellugi, huwa magħruf għall-intelliġenza tattika tiegħu, il-preċiżjoni fix-xuttijiet u l-kapaċità li jagħmel differenza fil-mumenti kruċjali tal-logħob.
Il-karriera internazzjonali tiegħu hija mimlija suċċessi. Hu kien parti mit-tim nazzjonali Spanjol li rebaħ il-Kampjonat Ewropew tal-2024 f’Zagreb, kif ukoll it-Tazza tad-Dinja tal-2023 f’Los Angeles. Fl-2019 kiseb ukoll midalja tal-fidda fil-Kampjonat Dinji ta’ Gwangju fil-Korea t’Isfel.
Fuq livell ta’ klabbs lagħab ma’ uħud mill-aktar timijiet prestiġjużi fl-Ewropa fosthom CN Sabadell fi Spanja u AN Brescia fl-Italja. Mhux biss, iżda għandu wkoll esperjenza fil-kampjonat Malti wara li fil-passat irrappreżenta lil Birżebbuġa ASC.
Meta tkellimna miegħu dwar il-mossa tiegħu lejn Sliema ASC, Barroso ma ħebiex l-entużjażmu tiegħu.
“Jiena kuntent ħafna b’din l-opportunità ġdida. Sliema huwa wieħed mill-aktar klabbs storiċi mhux biss f’Malta iżda wkoll fil-waterpolo Ewropew. Meta ġiet il-possibbiltà li ningħaqad magħhom, ma kellix dubju li kienet opportunità li ridt naċċetta.”
Il-fatt li diġà lagħab f’Malta għen biex jieħu d-deċiżjoni aktar faċli.
“Diġà naf il-pajjiż u naf ukoll il-livell tal-kampjonat. Dejjem ħadt pjaċir nilgħab f’Malta. Hemm passjoni kbira għall-waterpolo u n-nies jgħixu dan l-isport b’mod intensiv ħafna.”
Bħalissa Barroso qed ikompli l-impenji tiegħu ma’ CN Sabadell, iżda diġà qed iħares lejn l-istaġun li jmiss ma’ Sliema.
“Qed inħares ’il quddiem ħafna biex nibda din l-avventura. Nixtieq niltaqa’ mal-plejers, mal-kowċis u mal-partitarji. Nemmen li hemm grupp tajjeb ħafna u nixtieq nagħti l-kontribut tiegħi sabiex il-klabb ikompli jikseb suċċess.”
Barroso qal li wieħed mill-fatturi li impressjonawh kien il-viżjoni li għandu l-klabb Slimiż.
“Nara li kemm l-assoċjazzjoni kif ukoll il-klabbs qed jaħdmu sabiex il-waterpolo Malti jkompli javvanza. Sliema għandhom pjan ċar u hemm ħafna nies li jridu jkomplu jibnu għall-futur. Dan huwa importanti ħafna għal kwalunkwe atleta.”
Huwa jemmen li l-waterpolo Malti qed ikompli jiżviluppa sena wara sena.
“Naħseb li dan l-isport qiegħed jimxi ’l quddiem. Hemm aktar professjonalità, aktar investiment u aktar żgħażagħ li qed jingħataw opportunitajiet. Dawn huma sinjali pożittivi ħafna għall-futur.”
Wieħed mill-aspetti li l-aktar jogħġbuh huwa l-enfasi fuq il-ħidma maż-żgħażagħ.
“Nara li hemm ħafna rieda sabiex il-plejers żgħażagħ jiżviluppaw. Dan huwa fundamentali għal kull sport. Jekk tagħti ċans lit-tfal u ż-żgħażagħ, il-livell inevitabbilment se jkompli jitjieb.”
Naturalment, il-partitarji ta’ Sliema qed jistennew ħafna minn plejer tal-kalibru tiegħu, iżda Barroso jidher li jħobb iżomm saqajh mal-art.
“L-ewwel ħaġa li rrid nagħmel hija li naħdem. Ir-reputazzjoni ma trebbħek l-ebda logħba, trid tkun int li tirsisti. Irrid nintegra ruħi fit-tim, nifhem il-mod kif jilagħbu l-kollegi tiegħi u nagħti l-aħjar tiegħi f’kull sessjoni ta’ taħriġ u f’kull partita.”
L-esperjenza tiegħu fuq livell internazzjonali tista’ tkun ta’ benefiċċju kbir għall-iskwadra Slimiża.
“Meta tkun lgħabt f’kompetizzjonijiet kbar titgħallem ħafna affarijiet. Nipprova dejjem naqsam l-esperjenzi tiegħi ma’ sħabi fit-tim. Jekk nista’ ngħin lill-plejers iżgħar jiżviluppaw jew inwassal xi għarfien li ksibt matul il-karriera tiegħi, nagħmel dan bi pjaċir.”
Minkejja l-lista twila ta’ unuri li rebaħ matul il-karriera tiegħu, Barroso jibqa’ plejer umli li jemmen li s-suċċess huwa frott il-ħidma kollettiva. Huwa saħaq li kull trofew u kull midalja li kiseb kienu possibbli grazzi għall-appoġġ tal-kowċis, tal-kollegi tiegħu u tal-klabbs li rrappreżenta.
Din il-mentalità hija waħda mill-kwalitajiet li għamlitu figura rispettata kemm fil-kampjonat Spanjol kif ukoll fix-xena internazzjonali tal-waterpolo.
Meta mistoqsi dwar l-ambizzjonijiet tiegħu għas-sajf li ġej, it-tweġiba tiegħu kienet ċara.
“Meta tilgħab ma’ klabb bħal Sliema dejjem trid taspira għall-ogħla livelli. Naf li hemm ħafna kompetizzjoni fil-kampjonat Malti, iżda rridu nkunu preparati biex niġġieldu għal kull unur disponibbli.”
Il-wasla ta’ Alberto Barroso qed titqies bħala waħda prestiġġjuża min-naħa ta’ Sliema ASC. B’karriera mimlija suċċessi internazzjonali, esperjenza vasta fl-ogħla livelli tal-isport u mentalità rebbieħa, il-player Spanjol jidher lest biex jikteb kapitlu ġdid fil-karriera tiegħu.
U jekk il-kliem tiegħu huwa indikazzjoni ta’ dak li ġej, il-partitarji Slimiżi għandhom kull raġuni biex ikunu ħerqana għal dan is-sajf.
Għal Alberto Barroso, l-avventura Maltija l-ġdida mhijiex biss trasferiment ieħor fil-karriera tiegħu, iżda opportunità biex ikun parti minn klabb storiku li għandu l-ambizzjoni li jkompli jżid mal-wirt glorjuż tiegħu fil-waterpolo Malti.


