Tuesday, June 2, 2026

Jamie Borg m’għadux Team Manager ta’ Birkirkara FC

Aqra wkoll

Jamie Borg m’għadux Team Manager ta’ Birkirkara FC. Huwa ħabbar dan fuq il-mezzi soċjali, fejn qal li:

“Wara ħames snin indimentikabbli, il-vjaġġ tiegħi ma’ Birkirkara FC intemm, u m’għadnix qed inservi bħala Team Manager tal-klabb.”

“Dan mhuwiex messaġġ faċli għalija biex nikteb. Birkirkara FC kienu parti ewlenija minn ħajti għall-aħħar snin, u li ngħid addiju huwa estremament diffiċli u iebes. Matul dan il-vjaġġ, tajt kulma kelli għall-klabb. Ħdimt bla heda, iddedikajt għadd ta’ sigħat, u għamilt sagrifiċċji personali sinifikanti għax verament emmen f’dak li konna qed nibnu flimkien.”

“Nixtieq nesprimi l-akbar gratitudni tiegħi lil kull min kien maġenbi matul dawn is-snin. Grazzi tal-fiduċja, l-appoġġ, ir-rispett, u l-ħbiberija li wrejtuni mill-ewwel jum sal-lum.”

“Ringrazzjament speċjali jmur lill-kowċis, players, staff tekniku, voluntiera tal-klabb, helpers, membri tal-kumitat, uffiċjali tal-klabb u partitarji kollha li kienu parti minn dan il-vjaġġ. Kien unur u privileġġ li naħdem maġenb nies daqshekk impenjati u passjonati.”

“L-aktar importanti, nixtieq nirringrazzja lil Birkirkara FC talli tawni din l-opportunità u l-esperjenza inkredibbli. Li nirrappreżenta u nservi lil dan il-klabb għall-aħħar ħames snin kien privileġġ li dejjem se ngħożż.”

“Flimkien esperjenzajna sfidi, suċċessi, u memorji indimentikabbli li se nġorr miegħi għal dejjem. Nitlaq naf li dejjem tajt l-almu tiegħi għal dan il-klabb u li kull deċiżjoni li ħadt ittieħdet bl-interessi ta’ Birkirkara FC f’qalbi. Ninsab kburi b’dak li ksibna flimkien u grat għall-opportunità li servejt lil dan il-klabb kbir.”

“Kull kapitlu għandu l-bidu u t-tmiem tiegħu, u llum il-kapitlu tiegħi ma’ Birkirkara FC jasal fi tmiemu. Filwaqt li dan it-tluq huwa ta’ uġigħ għalija, nitlaq b’rasi merfugħa ’l fuq, naf li tajt dak kollu li stajt għall-arma, għall-klabb, u għan-nies tiegħu.”

“Grazzi għal dawn il-ħames snin indimentikabbli. Birkirkara FC dejjem se jkollhom post speċjali f’qalbi, u nawgura lill-klabb, lill-plejers tiegħu, lill-istaff, lill-membri tal-kumitat, u lill-partitarji kull suċċess fil-futur.”

“Għal darb’oħra, grazzi għar-rispett, il-fiduċja, u l-memorji li se jibqgħu miegħi għal dejjem.”

“Tajt kollox!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport