Saturday, December 21, 2024

Madwar 80 telefonata kuljum fuq il-helpline 1772 minħabba s-solitudni

Aqra wkoll

Il-Ministru Falzon jisħaq li s-sitwazzjoni preżenti bla dubju qed iżżid is-solitudni; din il-linja mistennija tibqa’ anke wara l-Covid-19

Minn MARIA AZZOPARDI

Fl-ewwel ġimgħa minn mindu beda l-helpline 1772, li huwa intenzjonat għal dawk in-nies li qed jesperjenzaw is-solitudni, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal lil Inewsmalta li kellhom medja ta’ madwar 540 telefonata. Dan ifisser li bħala medja kien hemm madwar 80 telefonata kuljum minn nies li qed jesperjenzaw is-solitudni.

Il-Ministru Falzon qal li s-sitwazzjoni preżenti bla dubju qed iżżid l-element ta’ solitudni speċjalment f’dawk l-anżjani li qabel forsi kienu joħorġu erba’ darbiet u issa qed joħorġu biss darba għall-affarijiet essenzjali, kif ukoll f’dawk in-nies li għandhom ċertu kundizzjonijiet jew jgħixu weħidhom.

Il-Ministru Falzon qal li l-helpline 1772 mhux intenzjonat biex wieħed jistaqsi biex iġibulu x-xirja iżda għandu l-għan li joffri kumpanija għal min jinsab waħdu. Huwa żied jgħid li dawk li jċemplu fuq dan il-helpline jista’ jiżdied speċjalment kif aktar nies isiru jafu bih.

Huwa żied jgħid li minkejja li għamilna avvanzi kbar fit-teknoloġija, din żgur u mhux forsi li affetwat ir-relazzjonijiet umani u f’ċertu każijiet qed isservi biex jiżdied l-element ta’ solitudni.

Il-Helpline ġie mniedi mill-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis, il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) Alfred Grixti u t-Terapista tal-Familja Charles Azzopardi.

Miżuri Soċjali u l-benefiċċji marbuta magħhom

Flimkien mal-Ministru Falzon tkellimna wkoll dwar il-miżuri l-oħra li qed jittieħdu minn naħa tal-Ministeru tiegħu.  Il-Ministru qal ukoll li rċevew mal-5000 applikazzjoni mingħand dawk li għal xi raġuni jispiċċaw mix-xogħol, dawk il-persuni li għandhom bżonnijiet speċjali u minn dawk il-persuni li bħalissa jinsabu ġewwa darhom biex jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom.

Miżuri soċjali li ttieħdu b’rabta mal-imxija tal-Covid 19 jinkludu li persuna b’diżabilità li jaħdmu fis-settur privat, li wara t-8 ta’ Marzu 2020 u minħabba l-impatt tal-Covid-19 ma jkunux qed imorru għax-xogħol fuq parir mediku u ma jkunx possibbli li jaħdmu mid-djar, jistgħu japplikaw għal dan il-benefiċċju. Jekk tkun eliġibbli għal dan il-benefiċċju tirċievi ħlas dirett ta’ €166.15 fil-ġimgħa jekk inti taħdem full-time jew €103.85 fil-ġimgħa jekk int taħdem part-time.

Jekk persuna fis-settur privat tilfet l-impjieg wara t-8 ta’ Marzu tikkwalifika għal Benefiċċju Kontributorju għal Diżimpjieg u tkun eleġibbli għal dan il-benefiċċju addizzjonali, bejn iż-żewġ benefiċċji tirċievi ħlas dirett ta’ €166.15 fil-ġimgħa jekk kont taħdem full-time qabel ġejt qiegħed jew €103.85 fil-ġimgħa jekk kont taħdem part-time qabel ġejt qiegħed. Apparti minn hekk tgawdi minn benefiċċji oħrajn.

Miżuri oħra jinkludu l-benefiċċju mediku u benefiċċji ta’ ġenitur. Min jixtieq iktar informazzjoni jista’ jżur is-sit servizz.gov.mt jew socialsecurity.gov.mt

Inizjattivi li jgħinu biex jingħata l-ikel lil min hu fil-bżonn

Dwar il-faqar, il-Ministru Falzon qal li f’dawn l-aħħar snin kien hemm tnaqqis sostanzjali sew dawk li kienu qed jesperjenzaw faqar materjalment sew dawk f’riskju ta’ faqar tant li dawk li llum jesperjenzaw faqar b’mod sever huma terz ta’ dak li kien fl-2012. Huwa qal li dawn huma żminijiet diffiċli u se jkun hemm iktar nies li jħossu l-bżonn speċjalment dawk minħabba raġunijiet ta’ mard.

Qed naraw ukoll bosta inizjattivi mill-isbaħ fejn qed jitqassam l-ikel lil min hu l-aktar batut u vulnerabbli. Fost il-ħafna xogħol li diġà sar, nhar is-Sibt ħaddiema soċjali mid-Direttorat għat-tfal fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) qassmu laħam mgħoti minn benefattriċi lil sitt familji li kollha apprezzaw immens li dawn il-ħaddiema qassmulhom l-ikel fil-ġurnata tas-Sibt.

Apparti minn hekk il-Ministru qal li bħala pajjiż l-għoti tal-ikel ilu jiġi kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll dawk li joħorġu mill-fondi nazzjonali. Il-fond għal għajnuna Ewropea għall-persuni l-aktar fil-bżonn (Fead) jgħin familji fil-bżonn, b’mod partikolari dawk li jinkludu tfal u anzjani, li jkunu mmirati permezz ta’ distribuzzjoni perjodika ta’ pakketti ta’ ikel. Il-familji ma jingħatawx sempliċement ikel b’xejn iżda wkoll appoġġ soċjali.

Permezz ta’ dan il-fond, minbarra li joffri għajnuna materjali lil familji li huma l-aktar fil-bżonn jew vulnerabbli, FEAD jikkontribwixxi wkoll lejn il-kisba ta’ wieħed mill-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, jiġifieri t-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali. Minbarra dan, teżisti l-Iskema ta’ Distribuzzjoni tal-Ikel Iffinanzjat mill-Istat jew kif inhi aktar magħrufa bħala l-SFFD, li diġà kienet tingħata lin-nies l-iktar fil-bżonn, u hija ffinanzjata totalment mill-istat.

Kif ħabbarna aktar qabel l-ewwel tqassim li jmissu jsir huwa dak iffinanzjat mill-Gvern u se jibda jsir lejn l-aħħar ta’ April. Kemm il-Ministeru u kemm l-FSWS huma impenjati mhux biss li din l-għajnuna tkompli tingħata imma, fuq kollox, li l-mod li bih titwassal għand in-nies tkun totalment konformi mad-direttivi tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.

“Din hija sitwazzjoni ġdida… osservaw l-istruzzjonijiet”

Rigward is-sitwazzjoni preżenti, il-Ministru qal li l-aħħar darba li l-umanità kellha sfidi ta’ dan it-tip u fuq din l-iskala kien ħafna snin ilu. Filwaqt li qal li din se tkun learning curve, huwa żied jgħid li d-dinja mhux se tibqa’ kif kienet u li mhux se mmorru lura kif konna.

Minn hawnhekk, il-Ministru xtaq jirringrazzja lin-nies kollha li jaħdmu fil-Ministeru li qed jaħdmu ħafna biex ikunu ta’ servizz. Huwa wkoll irringrazzja lil kull min hu involut u lill-poplu inġenerali li ħafna minnhom ikkolaboraw filwaqt li appella biex kulħadd isegwi mal-istruzzjonijiet li jinħarġu mill-awtoritajiet tas-saħħa. Huwa qal li din hija sitwazzjoni ġdida għall-umanità u għalhekk tajjeb li kull wieħed u waħda minna josservaw l-istruzzjonijiet li jinħarġu.

Ekonomija

Sport