Sunday, December 22, 2024

MAFA: Bilanċ assolut bejn Balluta Barracudas u Swieqi Braves

Aqra wkoll

Fl-iktar logħba prinċipali ta’ tmiem il-ġimgħa, Balluta Barracudas u Swieqi Braves spiċċaw fi draw ta’ 1-1 sabiex baqgħu jżommu l-mument pożittiv tagħhom.

Kienet logħba bejn żewġ timijiet li impressjonaw ferm fl-ewwel staġun mal-kbar fejn kienu qed jokkupaw l-ewwel u t-tieni post rispettivament.

Balluta bdew tajjeb u skorjaw il-gowl tal-vantaġġ iżda Swieqi ma ċedewx l-armi u wara ħafna tentattivi, irnexxielhom iġibu d-draw sabiex ħadu punt minn din il-logħba.

Jamie Moss poġġa lil Cudas minn fuq wara 19-il minuta logħob sabiex fit-56 minuta, Italo Dos Santos kompla jżomm l-appuntament mal-gowl meta ġab l-iskor indaqs fis-56 minuta.

Referee kien Sillah Alhasana.

Senglea Gunners irreġistraw it-tieni rebħa staġjonali wara li għelbu lil Marsa St Michael 1-0. Dawn tal-aħħar kellhom ħafna mill-pussess għalkemm Senglea bdew itellgħu kontrattakki perikolużi bil-gowlkiper ta’ Marsa Ludvic Fardell li kien fundamentali bis-saves tiegħu.

Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal fil-51 minuta meta kien Isaac Aron Selam li għeleb lil Fardell fost il-ferħ tal-plejers mill-Isla.

Referee kien Darko Stankovic.

Fit-tieni diviżjoni, il-leaders Għaxaq kisbu r-raba’ rebħa staġjonali wara li għelbu lil Gudja Wanderers bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0.

Kienet logħba fejn l-Għaxqin bdew jattakkaw għalkemm il-ġirien Gudjani bdew jiddefendu tajjeb filwaqt li bdew itellgħu xi kontrattakki.

Għalihom spikka l-plejer Brażiljan Dhonatann Dos Santos Da Hora li skorja doppjetta fit-28 u fit-53 minuta għalkemm aktar qabel, Sebastian Nayar kien poġġihom fil-vantaġġ fl-għaxar minuta.

Din ir-rebħa kienet tfisser li l-Wolves fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq it-tieni tim Ta’ Ġiorni Wanderers li għandhom logħba inqas.

Referee kien Lorry Sammut.

Żebbuġ Youngsters kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara li għelbu lil Birkirkara St Joseph 3-1. Kienet logħba li ż-Żebbuġin riedu jirbħu għal kollox sabiex jitbiegħdu miż-żona l-ħamra li jinsabu fiha.

Sainey Ceesay poġġa lil Youngsters minn fuq fis-16-il minuta sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 għalihom.

Fit-tieni taqsima, Birkirkara St Joseph ittantaw xi tip ta’ reazzjoni iżda regħu kienu Żebbuġ li rduppjaw l-iskor fejn hawn daħal fix-xena Jean Leon Cassar li kien awtur ta’ doppjetta personali sabiex għamel l-iskor 3-0.

Tliet minuti minn tmiem il-logħba, Miguel Grech naqqas il-marġni tal-iskor għal Birkirkara.

Referee kien Reno Galea.

Ħamrun Amateurs telgħu waħedhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tat-tielet diviżjoni, meta għelbu lil Mosta Vikings 4-0. Dawn tal-aħħar kienu għadhom ġejjin minn żewġ draws konsekuttivi u ppruvaw jiddefendu bi ħġarhom għalkemm l-avversarji tagħhom kienu ferm b’saħħithom.

Hajy Semu Maier kien awtur ta’ doppjetta bejn it-18 u t-28 minuta b’Jeffrey Fenech li fil-bidu tat-tieni taqsima xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess u f’Josef Zammit li ssiġġilla r-rebħa għal Amateurs.

Referee kien Peter Abela.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 11, Balluta Barracudas 10, San Ġiljan Saints 7, Senglea Gunners 6, Marsa St Michael 5, Valletta Stars, Valletta St Paul’s 4, San Ġwann Pro Evolution Academy 3

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 13, Ta’ Ġiorni Wanderers 7, Mqabba Albions 6, Gudja Wanderers, Birkirkara St Joseph 5, Attard Edex Kings, Buġibba Club de SWAT, Żebbuġ Youngsters 4.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs 8, Ħal Far Titans 7, Naxxar Victorians 5, Kalkara Flames 2, Mosta Vikings 1

Ekonomija

Sport