It-tim mit-Tielet Diviżjoni Għaxaq Wolves avvanzaw sas-semifinali tal-MAFA KO wara li għelbu lil Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 3-2.
Minkejja li Għaxaq sabu ruħhom gowl minn taħt, huma għarfu jwettqu reazzjoni bl-attakkant Brażiljan Diego Fernando Pereira jispikka fuq kulħadd hekk kif xpruna lit-tim għar-rebħa finali.
Il-Cudas bdew tajjeb tant li wara 11-il minuta ngħataw penalty wara li l-keeper Deemer Tabone waqqa’ lil Andrew Tortell fil-kaxxa.
Mill-11-il metru, kien l-istess Andrew Tortell li għamilhom 1-0.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Għaxaq għamlu l-iskor indaqs meta wara azzjoni ta’ corner, kien Diego Fernando Pereira li bir-ras għeleb lil Grech.
It-tieni taqsima kienet waħda pożittiv għall-Għaxqin li skorjaw darbtejn fi spazju ta’ ftit minuti bi Diego Fernando Pereira li għaqqad tripletta personali b’gowl minnhom li skorjah saħansitra min-nofs il-grawnd.
Balluta naqqsu l-marġni tal-iskor, ħames minuti minn tmiem il-konfront minn Nick Borg.
Referee: Lorry Sammut.
Għaxaq Wolves se jkunu qed jiltaqgħu kontra San Ġiljan Saints li fis-semifinali l-oħra, kellhom imorru għal-lotterija tal-penalties sabiex għelbu l-isfida denja li tawhom San Ġwann Pro Evolution Academy.
Kien Robert Veskimae li poġġihom fil-vantaġġ wara tliet minuti logħob sabiex Elson Zogejani ġab l-iskor indaqs lejn l-aħħar.
Fl-għoti tal-penalties, San Ġiljan kienu aktar preċiżi sabiex rebħu 4-2.
Referee kien Rapyan Xhyra.
Valletta St Paul’s ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Buġibba Club de SWAT 5-0.
Il-Beltin riedu jaċċertaw ruħhom li jiksbu l-kwalifikazzjoni tant importanti u marru minn fuq wara tliet minuti minn Dylan D’Agostino. L-istess plejer irdoppja l-iskor fis-16-il minuta b’Ivan Martinez li żied ieħor qabel tmiem l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, il-Beltin baqgħu dominanti hekk kif Ivan Martinez għaqqad doppjetta personali u bis-sostitut Santiago Rudolph li pparteċipa fil-festival tal-gowls.
Referee kien Saviour Brignone.
Il-Beltin se jkunu qed jiltaqgħu kontra Senglea Gunners li ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Mqabba Albions 4-0.
Bħas-soltu spikka għall-Gunners l-iskorer prolifiku tagħhom Lamin Jaiteh li wettaq hat-trick bil-goalkeeper Ludvic Fardell li żied ieħor wara li skorja penalty.
Referee kien Sillah Al Hasana.