It-tim mit-tielet diviżjoni Buġibba Club de SWAT wettqu l-ikbar sorpriża fil-kwarti tal-finali tal-MAFA KO meta eliminaw lill-klabb tal-Ewwel Diviżjoni Marsa St Michael wara skor ta’ 4-3.
Kienet logħba ferm sabiħa fejn it-timijiet ma qagħdux lura milli jattakkaw u xhieda ta’ dan kienu s-seba’ gowls li ġew skorjati.
It-tim Indjan għalqu l-ewwel taqsima 3-0 minn fuq għalkemm il-Marsin wettqu reazzjoni fit-tieni taqsima li minkejja kollox ma kinitx biżżejjjed sabiex jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront.
Kirandas Kolatiparambil kien awtur ta’ tripletta personali b’Sanal Varghese jżid ieħor għat-tim tiegħu.
Għal Marsa Anthony Portelli skorja doppjetta b’Kieran Flint ukoll iniżżel ismu fost l-iskorers.
Referee kien Gjorgji Bitri.
San Ġiljan Saints kellhom imorru sal-għoti tal-penalties sabiex eliminaw lit-tim mit-tieni diviżjoni Valletta Stars.
L-iskor sa tmiem is-70 minuta kien dak ta’ 1-1 fejn Julien Muller kien poġġa lis-Saints minn fuq sabiex Carlos Bonetta ġab l-iskor indaqs għall-Beltin.
Wara l-għoti tal-penalties kienu San Ġiljan Saints li rebħu 4-3.
Referee kien Jonathan Balzan.
Mqabba Albions għamluha għall-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni wara li għelbu 4-2 lil Ta’ Ġiorni Wanderers wara l-għoti tal-penalties.
L-iskor sa tmiem is-70 minuta kien dak ta’ 0-0 fejn minkejja li Mqabba kellhom ħafna mill-pussess, Ta’ Ġiorni kienu ferm tajbin sabiex jiddefendu filwaqt li bdew itellgħu kontrattakki veloċi. Madankollu ż-żewġ difiżi annullaw lill-attakkanti rispettivi sabiex bl-għoti tal-penalties kienu l-Imqabbin li setgħu jiċċelebraw.
Referee kien Jason Penza.
Senglea Gunners warrbu l-isfida ta’ Swieqi Braves u għaddew għall-kwarti tal-finali tal-MAFA KO wara li għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0.
Kienet logħba li laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima bit-tim mill-Kottonera li jiskorja żewġ gowls sabiex eventwalment għalaq il-logħba u ħa l-kwalifikazzjoni.
Kien l-aqwa skorer tat-tim mill-Isla Lamin Jaiteh li skorja doppjetta personali fis-37 u fit-43 minuta.
Referee kien Lorry Sammut.
San Ġwann Pro Evolution Academy ma sabu l-ebda diffikulta’ sabiex għelbu lil Gżira United Sports Club 3-0.
Kienet logħba li l-Istudenti Franċiżi kkontrollaw bla problemi sabiex eventwalment kisbu l-kwalifikazzjoni.
Kien Bousse Fomda li poġġa lil San Ġwann minn fuq fis-36 minuta meta x-xutt minn nofs il-grawnd tiegħu qarraq għalkollox bil-goalkeeper avversarju.
Sitt minuti wara, Elson Zogejani għamilhom 2-0 b’xutt fil-baxx sabiex żewġ minuti mit-tmiem, Jacques da Silva ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.
Referee kien Peter Abela.
Balluta Barracudas mit-tieni diviżjoni ma sabuha xejn faċli sabiex jeliminaw lit-tim mit-tielet diviżjoni Fgura Spartans 5-4 wara l-għoti tal-penalties.
Il-Cudas ippruvaw jistabilixxu s-supremazija territorjali tagħhom għalkemm Fgura Spartans, li tjiebu ferm matul dan l-istaġun żammew sod sal-aħħar għalkemm kellhom ibaxxu rashom mix-xuttijiet mill-11-il metru.
Referee kien Saviour Brignone.