Thursday, December 26, 2024

MAFA KO: San Ġwann Pro Evolution Academy bl-ikbar rebħa tal-ġurnata

Aqra wkoll

San Ġwann Pro Evolution Academy kisbu l-ikbar rebħa tal-ġurnata fil-kompetizzjoni tal-MAFA Knock-Out li kienet qed tirritorna wara erba’ snin. L-Istudenti Franċiżi rebħu 6-0 kontra Naxxar Victorians.

Wara li l-istudenti Franċiżi skorjaw żewġ gowls fl-ewwel taqsima, fit-tieni 35 minuta huma komplew jiskorjaw aktar gowls sabiex għamlu r-rebħa aktar kbira.

Lyes Boumertit poġġa lil San Ġwann minn fuq b’Wissam Bensaidi jżid ieħor minuta minn tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, Fomba Bousse, Swann Vachet, Nicolas Lev Sueur u Elson Zogejani ikkonfermaw post San Ġwann Pro Evolution Academy fil-kwarti tal-finali hekk kif issa jiltaqgħu kontra Gżira United Sports Club.

Referee kien Jonathan Balzan.

Il-leaders tal-Ewwel Diviżjoni Valletta St Pauls xejn ma sabuha faċli sabiex jeliminaw lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa bl-iskor ta’ 2-0.

It-tim minn Tal-Qroqq taw logħba ferm diffiċli lill-Beltin li skorjaw lejn l-aħħar sabiex issa se jilagħbu kontra Żebbuġ Youngsters.

Kien Matthew Cassar li poġġa lil Valletta St Pauls fil-vantaġġ fit-62 minuta sabiex Radovan Duric immarka r-ritorn tiegħu mat-tim hekk kif issiġġilla r-rebħa żewġ minuti mit-tmiem.

Referee kien Karl Galea. 

Gowl drammatiku fl-aħħar minuta tal-logħba ta l-kwalifikazzjoni lil Swieqi Braves li għelbu lil Gudja Wanderers b’gowl uniku.

It-tim minn Swieqi sabha ferm diffiċli sabiex jinfed id-difiża organizzata tal-Wanderers li għażlet li tikkonċentra biex tilqa’ lill-avversarji filwaqt li jtellgħu xi kontrattakki.

Il-gowl li ta l-kwalifikazzjoni għat-tieni fażi ġie skorjat fis-70 minuta logħob minn Bruno Menezes.

Referee kien Georgi Bitri.

B’hekk Swieqi issa se jilagħbu kontra Senglea Gunners fir-rawnd li jmiss.

Ta’ Ġiorni Wanderers kisbu rebħa minima ta’ 1-0 kontra Żabbar Southsiders. Kien logħba fejn dawn tal-aħħar tjiebu ferm fid-difiża bil-Wanderers li bdew jippruvaw jattakkaw.

Il-gowl rebbieħ ġie skorjat erba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima meta wara azzjoni ta’ freekick, kien Thomas Debono li għeleb lill-goalkeeper ta’ Żabbar.

It-tim minn Ta’ Ġiorni issa jilgħab kontra Mqabba Albions fir-rawnd li jmiss.

Referee kien Reno Galea. 

Gowl uniku ta’ Dilshad Panolath kien biżżejjed sabiex Buġibba Club de SWAT kisbu l-kwalifikazzjoni għall-fażi li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni wara li rebħu lil Birkirkara St Joseph.

Kienet logħba bilanċjata, biż-żewġ naħat li kellhom il-mumenti tagħhom għalkemm il-gowl skorjat minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima għamel id-differenza kollha.

Referee kien Peter Abela. 

B’hekk it-tim minn Buġibba se joħodha kontra Marsa St Michael fir-rawnd li jmiss.

Fgura Spartans għelbu lil Attard Edex Kings 4-1 f’partita oħra mir-round preliminari.

Kien Luke Camilleri li poġġa lil Fgura minn fuq sabiex Nathan Mifsud irdoppja l-iskor fit-18-il minuta.

Fit-tieni taqsima, Ryan Gafa u Luke Camilleri skorjaw żewġ gowls oħra għall-Fgurin b’Attard inaqqsu l-marġni tal-iskor minn Deison Arvey Cuero.

Referee kien Lorry Sammut. 

L-Ispartans se jaffrontaw lil Balluta Barracudas fir-rawnd li jmiss.

Ekonomija

Sport