Wednesday, December 25, 2024

MAFA KO: Valletta St Paul’s u San Ġiljan fil-finali

Aqra wkoll

Valletta St Paul’s u San Ġiljan Saints għaddew għall-finali tal-MAFA KO wara li rebħu s-semifinali rispettiva tagħhom.

Ma kinitx biċċa xogħol faċli la għall-Beltin u lanqas għall-Ġiljaniżi li sabu għadma iebsa fl-avversarji tagħhom.

Valletta St Paul’s kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex eliminaw liċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni Senglea Gunners 10-9.

L-iskor sa tmiem is-70 minuta kien dak ta’ 1-1 bil-logħba tmur għall-ħin barrani u saħansitra sal-għoti tal-penalties.

Wara li sal-ewwel taqsima ma ġie skorjat l-ebda gowl, fil-bidu tat-tieni taqsima, Senglea ngħataw penalty iżda t-tentattiv ta’ Noel Tabone sab l-oppożizzjoni tal-goalkeeper Jianiro Camilleri li laqa’ tajjeb.

Fil-51 minuta, Senglea marru minn fuq wara li Etienne Farrugia fajjar xutt mill-ewwel li ħasad lil Camilleri.

Valletta St Paul’s żiedu l-pressjoni fit-tentattiv li jiksbu l-iskor indaqs u rnexxielhom jagħmlu dan fil-61 minuta minn Chris Caruana.

Il-logħba marret għall-ħin barrani bl-iskor jibqa’ dak ta’ 1-1 sabiex fil-penalties kienu l-Beltin li rebħu 10-9.

Referee: Scott Harrison.

San Ġiljan Saints kisbu l-kwalifikazzjoni għall-finali wara li għelbu lil Għaxaq Wolves 2-1.

Kienet logħba ferm sabiħa u movimentata bl-Għaxqin ikunu tajbin fl-ewwel taqsima iżda bil-Ġiljaniżi li tjiebu ferm fit-tieni waħda tant li skorjaw żewġ gowls f’temp ta’ tliet minuti li għenuhom jiksbu dak li riedu.

Kien Mamadou Jawo li poġġihom minn fuq fil-41 minuta hekk kif irċieva tajjeb mingħand Ethan Goodman sabiex żewġ minuti wara, kien l-istess Goodman li għamilhom 2-0 b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa.

Għaxaq naqqsu l-marġni tal-iskor fil-61 minuta permezz ta’ Diego Fernando Pereira hekk kif b’daqqa ta’ ras għeleb lil Stian Nielsen wara azzjoni ta’ corner.

Referee kien Rapjan Xhyra.

Il-finali tal-MAFA KO bejn Valletta St Paul’s u San Ġiljan Saints se tintlagħab għada fil-grawnd ta’ Marsaxlokk u tibda fis-7pm.

Ekonomija

Sport