Saturday, May 4, 2024

KITBA JEW DISKORS?

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Smajt argument interessanti dan l-aħħar dwar suġġett li minnu nnifsu hu “akkademiku” fis-sens li ma jagħtina l-ebda ħila jew perspettiva ġdida dwar ir-realtà li ddawwarna. Madankollu jista’ jwasslek biex tagħraf x’inhu dak li għandu l-akbar importanza fl-għajxien tal-bniedem, anke fil-ħajja ta’ kuljum.

Meta ttieħed l-aqwa pass fl-iżvilupp taċ-ċiviltà tal-bniedem: meta l-bniedem beda jitkellem jew meta beda jikteb?

Min iqis li d-diskors kien tal-akbar importanza jsostni li dan ippermetta lill-bniedem ifisser problemi u sfidi, jissettja miri għall-futur, u jaqbel u jikkopera dwarhom ma’ sħabu. Imma issa qed jinstab li anke annimali oħra għandhom bejniethom forom ta’ komunikazzjoni u diskors, anke jekk mhumiex “avvanzati” daqs tal-bniedem.

Min-naħa l-oħra, il-kitba tat il-ħila lill-bniedem li jwessa s-setgħa tiegħu fuq spazji dejjem akbar. Ippermettietlu jgħaddi kmandi u istruzzjonijiet lejn distanzi mbiegħda sew minn fejn ikun fiżikament jinsab. Tatu mezz iżomm rekord tal-ġrajjiet li jgħaddi minnhom biex ġenerazzjonijiet futuri kellhom l-aqwa aċċess għall-kisbiet tal-imgħoddi fl-oqsma materjali tal-għajxien. B’hekk is-soċjetà umana saret dejjem aktar kumplessa u mogħnija b’riżorsi.

RIFORMI

Il-kelma “riforma” ilha li ġiet żvalutata.

Għal żmien twil “riforma” kienet kelma b’piż u tintuża għal proġetti ta’ bidla radikali, forsi ftit anqas qawwija minn rivoluzzjoni. Kien hemm l-eżempju tar-riforma ta’ Luteru kontra l-eċċessi u l-abbużi tal-Knisja Kattolika ta’ żmienu li tagħti xhieda tal-qawwa li kellha l-kelma.

Illum, dil-qawwa żvintat. Kull gvern juża l-kelma riforma għal kwalunkwe ħaġa li jrid iwettaq, kbira jew żgħira.

Tant immultiplikaw ir-riformi li lanqas għadek tista’ tiddistingwi waħda mill-oħra, speċjalment meta tkun waħda li qed tikkanċella riforma oħra li tkun saret ftit qabel.

Għax dak spiċċa effett ieħor fl-iżvalutar tal-kelma riforma: qed tintuża biex tfisser it-tneħħija ta’ riforma li tkun iddaħħlet mhux daqstant qabel.

INVESTIMENT F’IMPRIŻI

Is-swieq tal-ishma Ewropej baqgħu ċkejkna wisq. Raġuni għal dan jingħad li hi l-fatt li l-popli Ewropej mhumiex imdorrija jinvestu. Il-kultura ta’ imġiba finanzjarja hi orjentata lejn li n-nies tpoġġi flusha fil-banek.

Imqabbla mas-swieq tal-Istati Uniti, tar-Renju Unit u ta’ ċentri finanzjarji Asjatiċi, dawk tal-Ewropa baqgħu maqsuma f’biċċiet relattivament żgħar. Minn hawn li tqum il-ħtieġa għall-ħolqien ta’ suq Ewropew magħqud li jġib flimkien il-biċċiet kollha. Imma din mhijiex ħaġa faċli għax se tfisser li drawwiet u proċeduri finanzjarji li nbnew matul is-snin fil-pajjiżi differenti jkollhom jinbidlu b’manjieri li mhux kulħadd jifhem jew jaqbel magħhom.

B’mod fondamentali jista’ jkun ukoll li hemm firda radikali bejn is-swieq finanzjarji nazzjonali – jiġifieri bejn tat-tramuntana u tas-sud.

Sport