Thursday, April 25, 2024

MAFA: San Ġiljan jilħqu lil Żurrieq S. fil-quċċata tal-klassifika

Aqra wkoll

Robert Veskimae kien il-protagonista prinċipali fir-rebħa kbira ta’ 4-0 li San Ġiljan Saints kisbu fuq Tal-Qroqq Versity Kamelasa. Din kienet rebħa ferm importanti li għenet lill-Ġiljaniżi jilħqu lil Żurrieq Sunrise fil-klassifika li min-naħa tagħhom ġew imċaħħda minn rebħa fl-aħħar sekondi tal-logħba tagħhom kontra Valletta St Pauls.

Senglea Gunners irritornaw għar-rebħ wara partita missielta kontra Marsa St Michael filwaqt li waslet l-ewwel rebħa ta’ Valletta Stars li ħallew lil Qormi Hotspurs waħedhom fl-aħħar post tal-klassifika.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Floriana Fsobians laħqu lil Swieqi Braves fit-tieni post tal-klassifika wara li rebħulhom fl-aħħar mumenti tal-logħba filwaqt li Ta’ Ġiorni Wanderers ikkonfermaw il-mument tajjeb tagħhom wara li kisbu tliet punti minn fuq Birkirkara St Joseph.

San Ġiljan Saints għelbu lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa 4-0. Minkejja l-iskor ferm konvinċenti, is-Saints ma sabuhiex faċli sabiex jinfdu d-difiża tal-avversarji fejn bdew joperaw b’kontrattakki ferm perikolużi. Madankollu fit-tieni taqsima, il-Versity ċedew l-armi u kien hawn li spikka Robert Verskimae li skorja tliet gowls f’25 minuta sabiex kompla mal-gowl inizjali skorjat minn Ionut Popescu.

B’din it-telfa, Tal-Qroqq Versity Kamelasa baqgħu fin-naħa t’isfel tal-klassifika bi tliet punti minn erba’ logħbiet.

Referee: Jean Pierre Mifsud

Valletta St Pauls u Żurrieq Sunrise offrew logħba ferm akkanita, eċitanti u inċerta sal-aħħar. Kienet partita bejn żewġ timijiet li se jkunu kontendenti għat-titlu finali. Żurrieq jista’ jħossuhom żvinturati li ġew imċaħħda minn rebħa hekk kif proprju ġew milħuqa mill-Beltin li skorjaw sitt minuti fuq il-ħin miżjud.

Wara taqsima fejn ma rajniex gowls, fit-tieni 35 minuta, kien Roger Patino Villada li poġġa lil Żurrieq fil-vantaġġ.

Valletta żiedu aktar id-doża tal-attakk tagħhom u kien hawn li bdew jimpenjaw lill-goalkeeper ta’ Żurrieq.

U meta kollox kien jidher li s-Sunrise kienu se jiksbu r-rebħa, wasal il-gowl ta’ Kane Psaila li mill-viċin xeħet ġewwa għal draw drammatiku.

Referee: Ruben Spiteri

Senglea Gunners telgħu fit-tielet post tal-klassifika, tliet punti bogħod mill-quċċata wara rebħa diffiċli ta’ 3-2 kontra Marsa St Michael. Kienet logħba ta’ botta u risposta bit-tim mill-Kottonera li daħak l-aħħar daħka.

Din kienet it-tielet telfa staġjonali għal Marsa li minkejja li għandhom logħba inqas, jinsabu fil-post insolitu ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika.

Ironikament kienu Marsa li marru minn fuq wara sitt minuti permezz ta’ Kane Tipett sabiex Senglea mal-ewwel ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Larry Tony Gorgi.

Marsa dehru konfużi u f’temp ta’ tliet minuti bejn is-17 u l-20 minuti dabbru żewġ gowls oħra skorjati minn Mattia Ianni u Ousman Touray.

Fit-tieni taqsima, Marsa St Michael fetħu tajjeb u skorjaw it-tieni gowl tagħhom permezz ta’ Gilbert Camilleri.

Minkejja kull sforz possibbli, il-Marsin naqqsu milli jsibu x-xibka sabiex kellhom isofru telfa diżappuntanti.

Refereee: George Attard.

Valletta Stars kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun hekk kif fil-konfront min-naħa t’isfel tal-klassifika għelbu lil Qormi Hotspurs 3-1.

B’din ir-rebħa,l-Istilel Beltin inqalgħu mill-aħħar post u ħallew lill-avversarji tagħhom fil-qiegħ ifittxu l-ewwel punti staġjonali.

Dusan Petrovic poġġa lil Valletta Stars fil-vantaġġ sabiex Jean Carl Cuschieri ġab l-iskor indaqs għall-Qriema.

Deisler Conti Azzopardi poġġa lit-tim mill-kapitali minn fuq tliet minuti minn tmiem l-ewwel taqsima sabiex kmieni fit-tieni taqsima, Carlos Alonso issiġġilla r-rebħa finali.

Referee: Jonathan Balzan

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Floriana Fsobians laħqu lil Swieqi Braves fit-tieni post tal-klassifika wara li għelbuhom 3-2 fil-konfront dirett.

Minkejja li sabu ruħhom żewġ gowls minn taħt, il-Furjaniżi ma qatgħux qalbhom u baqgħu jirsistu tant li dawwru telfa f’rebħa.

Kien Kylian Deshayes li fit-13-il minuta poġġa lil Swieqi fil-vantaġġ sabiex tliet minuti wara Timote Mazzoni rdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

Minkejja dan l-iżvantaġġ doppju, il-Furjaniżi bdew ġejjin u hawn daħal fix-xena l-attakkant prolifiku Justin Felice li skorja hat-trick u ssiġġilla t-tliet punti għat-tim tiegħu.

Lejn l-aħħar, Swieqi Braves setgħu skorjaw il-gowl tad-dro iżda t-tentattiv ta’ Timote Mazzoni deher jiġi milqugħ eżatt minn fuq il-linja mill-goalkeeper Camilleri.

Referee: Lorry Sammut.

Ta’ Ġiorni Wanderers kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li għelbu lil Birkirkara St Joseph 2-0. It-tim minn Ta’ Ġiorni ħalla għall-aħħar mumenti tal-logħba sabiex kiseb ir-rebħa finali meta Emanuele Ferlaino u Alexis Manthos skorjaw il-gowls l-aktar importanti.

Referee: Alex Grech.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

San Ġiljan Saints, Żurrieq Sunrise 13, Senglea Gunners 12, Valletta St Pauls 10, Valletta Stars, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 3, Marsa St Michael 1, Qormi Hotspurs 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Żabbar Southsiders 12, Swieqi Braves, Floriana Fsobians 9, Ta’ Ġiorni Wanderers 6, Birkirkara St Joseph 3, Ħal Far Sparks, Gudja Wanderers 1.

Sport