Saturday, December 21, 2024

MAFA: San Ġiljan Saints champions

Aqra wkoll

San Ġiljan Saints huma ċ-champions il-ġodda tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta fil-konfront deċiżiv huma għelbu lill-isfidanti Senglea Gunners 3-1.

Il-Ġiljaniżi rebħu dan il-kampjonat b’mod meritat hekk minn 13-il partita rebħu għaxra minnhom, ġew dro f’ċirkostanza waħda filwaqt li tilfu biss żewġ logħbiet. Hekk kif fadal logħba waħda għal tmiem il-kampjonat huma għandhom l-aqwa attakk minħabba li skorjaw 39 gowl filwaqt li jistgħu jiftaħru bl-aqwa difiża wara li qalgħu 13-il gowl.

Wara li l-ewwel minuti kienu fażi ta’ studju għaż-żewġ timijiet, San Ġiljan ħarġu tajjeb u marru minn fuq mal-kwarta logħob meta wara kross mil-lemin, il-plejer ta’ Senglea Christian Cassar fit-tentattiv li jikklerja xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess.

It-tim mill-Kottonera kellu reazzjoni qawwija u ġabu l-iskor indaqs żewġ minuti wara meta wara kontrattakk veloċi kien Noel Tabone li b’xutt bid-dawra qarraq bil-gowlkiper Ġiljaniż Stian Nielsen.

Minkejja kollox, is-Saints baqgħu konċentrati u reġgħu marru minn fuq fil-25 minuta permezz ta’ Robert Veskimae li rċieva kross perfett ta’ Ethan Goodman u f’lasta vojta għamilhom 2-1 u hekk għalqet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, il-Gunners bdew jersqu dejjem aktar viċin il-lasti Ġiljaniżi u kienu ferm żvinturati li laqtu l-lasta meta wara azzjoni ta’ frikik id-daqqa ta’ ras ta’ Armando Hussein ħabtet mal-lasta.

San Ġiljan skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa eżatt mal-ħin mogħti żejjed mir-referi meta wara kontrattakk veloċi kien Ethan Goodman li avvanza u wara li daħal fil-kaxxa fajjar xutt li għeleb għat-tielet darba lil Ludvic Fardell.

Tmiem il-partita kienet ċelebrazzjoni għall-plejers, diriġenti u partitarji Ġiljaniżi li wara li ilhom ħames snin imwaqqfin rebħu l-ewwel kampjonat fl-istorja tagħhom u issa jistennew l-aħħar ġurnata tal-kampjonat sabiex jingħataw it-tazza.

Referi kien Gjorgji Bitri.

Sadanittant f’logħbiet oħra li ntlagħbu, Valleta St Pauls laħqu lil Senglea Gunners fit-tieni post tal-klassifika meta b’gowl uniku ta’ Tyron Borg għelbu lil Marsa St Michael.

Referi kien Gordon Barbara.

Tal-Qroqq Versity Kamelasa kisbu t-tielet rebħa konsekuttiva għalkemm bi tbatija meta għelbu lit-tim diġa’ relegat ta’ Qormi Hotspurs 5-4.

Thomas Battaglia u Isaac Aaron Selam kienu l-eroj għal Versity meta skorjaw doppjetta b’Takumi Yanzigawa jżid gowl ieħor għat-tim tiegħu.

Minkejja li relegati, Qormi taw logħba kbira hekk kif Kyle Sultana u Wayne Zerafa skorjaw doppjetta kull wieħed.

Referi kien Lorry Sammut.

Valletta Stars kellhom wirja tajba u ħasdu lil Żurrieq Sunrise tant li għelbuhom 3-1. Minkejja din ir-rebħa, hu biss miraklu li jista’ jsalva lill-Beltin mir-relegazzjoni hekk kif xorta għadhom tliet punti taħt il-Versity meta fadal logħba waħda għat-tmiem.

Bildad Anucha poġġa lill-Istilel Beltin fil-vantaġġ b’Antoni Fernandes u Carlos Alonso jżidu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Jean Claude Camilleri skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għaż-Żrieraq.

Referi kien Jason Penza.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Swieqi Braves huma ċ-champions wara r-rebħa kbira li kisbu fuq Żabbar Southsiders bl-iskor ta’ 4-0.

Iż-żgħażagħ Franċiżi kienu fi klassi għalihom u ddominaw dan il-kampjonat meta rebħu tmienja mill-għaxar logħbiet li lagħbu filwaqt li skorjaw 44 gowl u qalgħu biss sebgħa għall-aqwa attakk u difiża tal-kampjonat.

Għal Swieqi reġa’ spikka Tom Passager li skorja tliet gowls fis-6, 46 u 55 minuta b’Jordan Abel li kien fetaħ l-iskor għat-tim tiegħu.

Referi kien Vladimir Rizoski.

Sadanittant sar magħruf li anke Żabbar Southsiders u Ta’ Ġiorni Wanderers se jkunu promossi għat-tieni diviżjoni.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI   

San Ġiljan Saints 31, Senglea Gunners, Valletta St Pauls 26, Żurrieq Sunrise 21, Marsa St Michael, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 16, Valletta Stars 13, Qormi Hotspurs 0

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi Braves 24, Ta’ Ġiorni Wanderers, Żabbar Southsiders 17, Floriana Fsobians 13, Gudja Wanderers 9, Birkirkara St Joseph 6, Ħal Far Sparks 4

Ekonomija

Sport