Monday, December 23, 2024

MAFA: San Ġiljan Saints jsaħħu l-ewwel post

Aqra wkoll

San Ġiljan Saints kisbu rebħa importanti kontra Senglea Gunners sabiex temmew l-ewwel rawnd tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni  fl-ewwel post.  

Din kienet meqjusa bħala l-partita ta’ tmiem il-ġimgħa bejn żewġ timijiet li kienu mifruda b’punt wieħed biss fil-klassifika.  

Iż-żewġ timijiet kellhom diversi elementi neqsin fl-iskwadri rispettivi tagħhom, b’Senglea li setgħu jinkludu tliet sostituti biss fl-iskwadra tagħhom.  

San Ġiljan Saints għamlu l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara tliet minuti logħob permezz ta’ Mamadou Jawo li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Ludvic Fardell.  

It-tim mill-Kottonera ipprova jwettaq reazzjoni iżda reġgħu kienu l-Ġiljaniżi li għamluhom tnejn meta wara żball difensiv, kien Connor Murphy li rringrazzja u mill-viċin xeħet il-ballun fix-xibka.  

Hekk kif l-ewwel taqsima spiċċat 2-0 favur San Ġiljan, il-pjan tal-logħba qajla nbidel fit-tieni 35 minuta b’San Ġiljan li baqgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni u b’Senglea li minkejja kull sforz possibbli ma kinitx il-ġurnata tagħhom.  

Is-Saints issiġġillaw ir-rebħa fit-53 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa ta’ Robert Veskimae li ssoprenda lil Ludvic Fardell.  

Referee kien Lorry Sammut.  

Marsa St Michael għelbu lil Valletta St Pauls bl-iskor ta’ 3-1 fi dwell klassiku bejn żewġ timijiet li ilhom għal snin twal jikkompetu f’din l-assoċjazzjoni. B’din ir-rebħa l-Marsin laħqu lill-istess Beltin fil-klassifika b’10 punti minn seba’ logħbiet.  

Kienu Valletta li marru fil-vantaġġ man-nofs siegħa logħob permezz ta’ Nicola Mitev. Madankollu kienet ferħa bla temma għalihom hekk kif minuta wara Andy Portelli ġab l-iskor indaqs għas-St Michael.  

Fit-tieni taqsima, il-Marsin bdew jagħfsu aktar lill-avversarji li kellhom numru ta’ plejers neqsin mill-iskwadra tagħhom.  

Fil-65 minuta kien Davide Martini li poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ sabiex fil-ħin mogħti żejjed mir-referee kien Anthony Portelli li ssiġġilla r-rebħa finali.  

Referee kien Georgi Bitri.  

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Swieqi Braves laħqu lil Żabbar Southsiders fil-quċċata tal-klassifika u fl-istess ħin tawhom l-ewwel telfa staġjonali wara li għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1.  

Iż-żgħażagħ Franċiżi mmexxija minn Mark Miller kellhom l-ideat ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara biss seba’ minuti permezz ta’ Maxime Azanza b’Nathan Nogues jirdoppja l-iskor fis-27 minuta.  

Luke Cachia naqqas il-marġni tal-iskor għat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta sabiex Tom Passager irrisponda lejn l-aħħar tal-partita sabiex aċċerta t-tliet punti finali għat-tim tiegħu.  

Referee: Jean Pierre Mifsud.  

Ekonomija

Sport