Thursday, April 25, 2024

Australian Open: L-ebda sorpriża għall-Aħħar 16

Aqra wkoll

Is-seed numru 2, Daniil Med­vedev, u dak numru 4, Stefanos Tsitsipas, kisbu reb­ħiet li jarawhom jgħaddu għall-Aħħar 16 tal-Austra­lian Open li qed isir f’Mel­bourne Park.

Medvedev ħass li kien fl-aqwa tiegħu fir-rebħa fuq l-Olandiż, Botic van de Zandschulp, bil-punteġġ ta’ 6-4 6-4 6-2 hekk kif għadda għar- raba’ round biex baqa’ fit-triq li jirbaħ it-tieni Grand Slam konsekuttiv.

L-avversarju tiegħu, li jin­sab fis-57 post tar-rankings kien l-uniku player li rebaħlu set iżda r-Russu xorta baqa’ sejjer biex rebaħ il-US Open.

L-avversarju tiegħu għal post fil-kwarti-finali se jkun l-Amerikan, Maxine Cressy li għeleb lill-wildcard Aws­traljan, Christopher O’Connell, f’erba’ sets, 6-2 6-7 (6-8) 6-3 6-2

Il-Grieg Tsitsipas warrab lill-Franċiż Benoit Paire f’erba’ sets ukoll biex anke hu kompla javvanza meta għelbu bil-punteġġ ta’ 6-3 7-5 6-7 (2-7) 6-4 u b’hekk baqa’ fit-triq it-tajba li jirbaħ l-ew­wel Grand Slam tal-karriera tiegħu.

Tsitsipas, finalista fil-French Open tas-sena l-oħ­ra, issa se jiltaqa’ kontra l-Amerikan, Taylor Fritz, li min-naħa tiegħu elimina lill-Ispanjol Roberto Bautista Agut 6-0 3-6 3-6 6-4 6-3 wara li dan kien mar  2-1 minn fuq.

It-Taljan Jannik Sinner kompla juri l-potenzjal tie­għu meta għeleb lill-Ġappuniż Taro Daniel f’logħba oħra li marret fir-raba’ set b’dan tal-aħħar ippareġġa l-iskor iżda Sinner ħa t-   tnejn ta’ wara biex rebaħ bl-iskor ta’ 6-4 1-6 6-3 6-1.

L-aħħar player Britanniku li kien fadal fiż-żewġ kategoriji, Dan Evans, kellu jbaxxi rasu meta ltaqa’ kontra n-numru wieħed Kana­diż, Felix Augur Aliassime li għelbu b’mod faċli, 6-4 6-1 6-1.

Il-Kroat Marin Cilic temm il-mixja tar-Russu Andrej Rublev biex ħalla lil Medvedev biss minn pajjiżu fit- tournament.

Wara li Cilic rebaħ l-ew­wel żewġ sets u Rublev naq­qas id-distakk kien Cilic li ssiġilla l-logħba bl-iskor ta’ 7-5 7-6 (7-3) 3-6 6-3.

Iż-żagħżugħ Alex de Mi­na­ur, baqa’ l-aħħar Awstraljan fit-tournament meta għe­­leb lill-Ispanjol Pablo Andu­lar fi tliet sets, 6-4 6-4 6-2.

Fil-kategorija femminili, l-player numru 2 tad-dinja, Aryna Sabalenka, reġgħet uriet il-kwalitajiet tagħha meta rkuprat minn set minn taħt biex għelbet lill-player Ċeka, Marketa Voudroussa, 4-6 6-3 6-1. Din kienet it-tielet darba wara l-oħra li hija tilfet l-ewwel set iżda kull darba ħarġet rebbieħa.

L-avversarja tagħha li jmiss hija Kaia Kanepi tal-Estonja li bħalha tilfet l-ewwel set iżda t-tnejn ta’ wara rebħithom b’mod faċli bir-rebħa tiksibha bil-pun­teġġ ta’ 2-6 6-2 6-0.

Il-player fis-seba’ post tar-rankings, il-Pollakka Iga Swiatek, kisbet rebħa faċli meta ltaqgħet kontra r-Russa, Daria Kasatkina, u għelbitha 6-2 6-3.

Anke r-Rumena Simona Halep, li m’hijiex issidjata, kompliet tavvanza meta warrbet għal kollox lil Danka Kovinic tal-Montenegro kif juri l-iskor finali ta’  6-2 6-1.

Il-Franċiża Elize Cornet ma setgħetx tiċċelebra għe­luq sninha b’mod aħjar meta rkuprat minn set minn taħt biex għelbet lil Tamara Zidansek tas-Slovenja, 4-6 6-4 6-2.

Player oħra li dawret telfa f’rebħa kienet l-Amerikana, Danielle Collins, li għelbet lid-Daniża Clara Tauson, 4-6 6-4 7-5, bil-player li għaqqdet il-kwadru tal-aħ­ħar 16 kienet r-Rumena, So­rana Cristea, li eliminat lir-Russa, Anastasia Pavlyu­chenkova, 6-3 2-6 6-2. Din il-fatt kienet il-ħames logħba minn din il-kategorija li marret għat-tielet set.

Sport