Monday, May 13, 2024

MAFA: San Ġiljan Saints leaders assoluti

Aqra wkoll

San Ġiljan Saints telgħu waħidhom fl-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA wara li kisbu rebħa tajba ta’ 3-0 kontra Żurrieq Sunrise. Mill-banda l-oħra, l-isfidanti għar-rebħ tat-titlu Senglea Gunners naqsu milli jirbħu l-konfront diffiċli li kellhom kontra Valletta St Pauls sabiex issa jinsabu fit-tieni pożizzjoni, żewġ punti taħt il-liders.

Fin-naħa t’isfel, Tal-Qroqq Versity Kamelasa kisbu rebħa kruċjali fit-taqtiegħa tagħhom kontra r-relegazzjoni meta għelbu lil Valletta Stars 3-2.

San Ġiljan Saints għelbu 3-0 lil Żurrieq Sunrise f’partita fejn huma kienu determinati li jerġgħu jirritornaw għar-rebħ wara l-aħħar żelqa kontra Tal-Qroqq Versity Kamelasa.

Is-Saints marru fil-vantaġġ fis-26 minuta permezz ta’ Jamie Bowlby-Whiting sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima, Żurrieq ħarġu aggressivi fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs iżda reġgħu kienu l-Ġiljaniżi li rduppjaw l-iskor minn Ethan Goodman sabiex eżatt qabel it-tisfira tar-referi kien l-istess Bowlby-Whiting li ssiġġilla r-rebħa u doppjetta personali.

Referi: CJ Saliba

Senglea Gunners naqqsu milli jimitaw lir-rivali tagħhom għar-rebħ tat-titlu meta setgħu jiġu biss fi dro ta’ 0-0 kontra Valletta St Pauls.

Dan kien it-tieni dro konsekuttiv għat-tim mill-Kottonera wara li kisbu l-istess riżultat ftit tal-jiem ilu kontra Marsa St Michael.

Min-naħa tagħhom, Valletta ppruvaw joħorġu bit-tliet punti minn din il-partita iżda sabu lid-difiża avversarja ferm attenta. B’dan id-dro, il-Beltin issa jinsabu ħames punti bogħod mill-quċċata meta fadal żewġ logħbiet għal tmiem il-kampjonat.

Fl-istess waqt se jissokta d-dwell bejn San Ġiljan Saints u Senglea Gunners għar-rebħ tal-kampjonat li mistenni jiġi kumbattut sal-aħħar ġurnata.

Referi: Lorry Sammut.

Tal-Qroqq Versity Kamelasa rebħu d-dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika meta f’logħba ferm eċitanti għelbu lil Valletta Stars 3-2.

Kienet partita ferm kumbattuta biż-żewġ naħat li tqatlu kemm felħu sabiex jiksbu t-tliet punti. Fl-aħħar mill-aħħar kienu t-tim minn Tal-Qroqq li ħareġ bid-daħka ma’ tmiem is-70 minuta.

Il-Versity stabilixxew vantaġġ doppju qabel tmiem l-ewwel taqsima wara gowls ta’ Aurelio Vallone u Peter Khiev.

Hekk kif Mohammed Abdukadir naqqas il-marġni tal-iskor għal Valletta Stars, Peter Khiev għaqqad doppjetta personali fis-56 minuta għalkemm Abdukadir reġa’ naqqas l-iskor għat-tim mill-kapitali. Dawn tal-aħħar xeħtu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jiksbu xi ħaġa minn din il-partita għalkemm id-difiża avversarja ddefendew sa snienhom sabiex ħarġu bit-tliet punti minn dan il-konfront u jinsabu pass bogħod li jsalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni tal-MAFA.

Referi kien Gjorgji Bitri.

Marsa St Michael ingħataw walk-over u rebħa ta’ 3-0 fuq Qormi Hotspurs li ma setgħux jgħaqqdu l-iskwadra għal din il-partita.

B’din ir-rebħa, Marsa St Michael jitilgħu għal 16-il punt fil-klassifika bid-destin tal-Qriema li hu diġa’ magħruf hekk kif huma matematikament relegati.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Swieqi Braves huma pass bogħod milli jiġu promossi għat-tieni diviżjoni meta ddominaw u għelbu lil Ħal Far Sparks 9-0.

Kien dwell bejn it-tim li jinsab jokkupa l-ewwel post tal-klassifika kontra t-tim li baqa’ankrat fl-aħħar post.

L-istudenti Franċiżi tista’ tgħid li skorjaw meta riedu tant li Esteban Ringuet u Maxime Azanza wettqu doppjetta kull wieħed filwaqt li Enzo Djar, Tom Passager, Basil Goubesult, Antoine Penas u Fares Djaraouane ukoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Referi: Alex Grech

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

 San Ġiljan Saints 28, Senglea Gunners 26, Valletta St Pauls 23, Żurrieq Sunrise 21, Marsa St Michael 16, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 13, Valletta Stars 10, Qormi Hotspurs 0. 

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi Braves 21, Ta’ Ġiorni Wanderers, Żabbar Southsiders 17, Floriana Fsobians 13, Birkirkara St Joseph, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Sparks 4   

Sport