Friday, December 13, 2024

MAFA: San Ġiljan Saints lura għar-rebħ

Aqra wkoll

San Ġiljan Saints reġgħu rritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 3-1 sabiex baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA.

Din kienet rebħa importanti għall-Ġiljaniżi wara l-aħħar diżappunt li kellhom kontra Valletta St Pauls.

Huma wrew l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru minn fuq wara erba’ minuti logħob permezz ta’ Mark Stinchcombe li għeleb lill-gowlkiper Marsi mill-viċin.

Marsa St Michael wettqu reazzjoni immedjata u ġabu l-iskor indaqs fid-19-il minuta permezz ta’ Dario Azzopardi.

Eżatt ma’ tmiem l-ewwel taqsima, is-Saints reġgħu marru minn fuq meta kien Steve Griffin ta’ Marsa biex xeħet fix-xibka tiegħu stess għall-awtogowl klassiku.

Fit-tieni taqsima, Marsa ippruvaw iwettqu reazzjoni u bdew jattakkaw fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs. Madankollu kienu San Ġiljan li reġgħu skorjaw fl-aħħar minuta tal-logħba permezz ta’ Mamadou Jawo.

Referi kien Georgi Bitri.

Senglea Gunners kisbu rebħa komda ta’ 3-0 kontra Qormi Hotspurs sabiex baqgħu jsegwi lil San Ġiljan Saints fil-klassifika hekk kif jinsabu biss punt bogħod mir-rivali diretti tagħhom.

Il-Hotspurs, li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom ippruvaw jilagħbu logħba difensiva għalkemm żammew biss 25 minuta qabel ma’ Essa Benatiya poġġa lit-tim mill-Kottonera fil-vantaġġ.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel u Senglea skorjaw it-tieni gowl meta kien George Frendo li għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Il-Gunners issiġillaw ir-rebħa finali permezz ta’ Christian Cassar.

Referee kien Jason Penza.

Valletta St Pauls ixxalaw u għelbu lil Valletta Stars bl-iskor kbir ta’ 6-2. Dan kien it-tieni derby tal-belt kapitali Maltija matul dan l-istaġun bis-St Pauls jagħmluhom tnejn minn tnejn hekk kif fl-ewwel rawnd kienu rebħu 2-0. Huma ddominaw il-partita mill-bidu sal-aħħar u skorjaw wara 21 minuta permezz ta’ Kurt Magro bl-istess plejer jiskorja t-tieni gowl fl-34 minuta minn penalty.

Fit-tieni taqsima, Valletta St Pauls għamluhom tlieta meta kien Juan Navarro li sab ix-xibka b’Mohamed Abdikader inaqqas l-iskor għall-Istilel Beltin. Il-plejer Spanjol kompla jkun il-protagonist tant li skorja t-tieni gowl personali u r-raba’ wieħed għas-St Pauls.

Aluev Bah naqqas il-marġni tal-iskor għat-tieni darba għal Valletta Stars minn penalty fit-63 minuta sabiex lejn l-aħħar Valletta St Pauls skorjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Mark Barbara u Nikola Mitev.

Referee kien Jonathan Balzan.

Il-partita bejn Żurrieq Sunrise u Tal-Qroqq Versity Kamelasa ġiet abbandunata minuta minn tmiem mir-referee tal-partita.

Sa dak il-ħin l-iskor kien għadu 1-1 hekk kif fil-41 minuta, Antoine Barbara kien poġġa lil Żurrieq fil-vantaġġ sabiex Julien Bollard ġab l-iskor indaqs fis-67 minuta minn penalty.

Eżatt kif kien se jingħata t-tieni penalty tal-ġurnata din id-darba favur Żurrieq Sunrise, inqalgħu xi battibekki sabiex b’hekk il-logħba ġiet abbandunata.

Referee kien Pasquale D’Errico.

Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Floriana Fsobians baqgħu jżommu l-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lil Ħal Far Spark 4-0.

Minkejja li kellhom bosta plejers neqsin, il-Furjaniżi xorta waħda keinu tajbin sabiex jirbħu din il-partita hekk kif Waylin Spiteri u Justin Felice skorjaw f’temp ta’ minuta bejn il-25 u s-26 minuta.

Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima Nicholas Parnis għamilhom 3-0 sabiex l-istess plejer għaqqad il-poker fid-69 minuta.

Referee kien Peter Abela.

Min-naħa tagħhom, Swieqi Braves baqgħu jżommu l-pass wara rebħa komda ta’ 3-0 kontra Gudja Wanderers. L-istudenti Franċiżi kienu f’forma mill-aqwa u ftit taw ċans lill-avversarji tagħhom jilagħbu l-logħob tipiku tagħhom.

Tom Passager poġġa lil Swieqi fil-vantaġġ wara 27 minuta logħob sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima, Maxime Azanza għamilhom tnejn eżattament fl-44 minuta sabiex Passager għaqqad doppjetta personali u t-tielet wieħed għal Swieqi wara li sab ix-xibka fil-50 minuta.

Referee kien Lorry Sammut.

Ekonomija

Sport