Saturday, May 4, 2024

Futsal: Jintemm l-ewwel round ta’ logħob u joħorġu l-ewwel verdetti

Aqra wkoll

Se jkunu Luxol St Andrews, Valletta, Ta’ Xbiex, l-Universita’ ta’ Malta u Mellieħa li se jkunu qed jilagħbu fl-Enemed Premier Futsal League. Dan ġie deċiż wara li ntemm l-ewwel rawnd ta’ din il-kompetizzjoni u t-12-il tim inqasmu f’żewġ diviżjonijiet l-Enemed Premier Futsal League u l-Enemed Challenger League. Din l-aħħar kompetizzjoni se tkun magħmula minn sitt timijiet u dawn huma Naxxar Lions, St George’s, Żurrieq, Siġġiewi, Qormi u Marsaskala.

Eventwalment dawn it-timijiet itemmu l-fażi tagħhom bil-play-offs fl-aħħar tal-istaġun sabiex jiġu determinati ċ-champions rispettivi.

Sadanittant fi programm ta’ logħob li kellna matul din il-ġimgħa, Valletta għelbu lill-Universita’ ta’ Malta bl-iskor ta’ 6-3. Din kienet logħba diretta u ferm emozzjonanti bejn żewġ timijiet li kienu qed jissieltu għat-tieni post tal-klassifika u eventwalment ikomplu bl-isfida tagħhom mal-liders Luxol.

Valletta dejjem kienu minn fuq iżda l-Universitarji bdew jirrispondu għall-gowls tal-avversarji għalkemm lejn l-aħħar it-tim mill-kapitali ħa vantaġġ minn kontrattakki perikolużi sabiex kisbu dak li riedu.

Valletta kellhom lil Zvezdan Vukovic li kien awtur ta’ hat-trick filwaqt li Andre Ciancio, Jhonn Anderson u Emerson Molina żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

L-Universita’ ta’ Malta skorjaw permezz ta’ Cleaven Portelli, Javier Perez u Mohammed Elamari.

Sadanittant, Luxol St Andrews għamluhom għaxar rebħiet minn daqstant logħbiet meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Siġġiewi 7-1. Iċ-champions bħas-soltu kienu dominanti fil-pussess u għalkemm Siġġiewi ppruvaw ftit setgħu jagħmlu kontra l-qawwa tal-avversarji tagħhom.

Emil Raducu skorja doppjetta għat-tim minn St Andrews filwaqt li Marwan Telisi, Mark Zammit, Matthew Attard, Andy Mangion u awtogowl għaqqdu l-iskor finali.

Għal Siġġiewi kien Juan Sebastian li sab ix-xibka.

Ta’ Xbiex ikkonfermaw l-istaġun tajjeb li qed ikollhom b’rebħa kbira ta’ 10-0 kontra Naxxar Lions. Stefi Cale, George Frendo u Matthew Fenech skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Glenn Bonello, Christian Wismayer, Joshua Tonna u Dexter O’Brien ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.

Mellieħa batew aktar milli mistenni sabiex għelbu lil Żurrieq bl-iskor ta’ 3-2. Il-Melliħin ippruvaw jimponu l-logħob tipiku tagħhom iżda Żurrieq kellhom ideat oħra u dejjem irrispondew għall-attakki tal-avversarji tagħhom għalkemm fl-aħħar mill-aħħar xorta ħarġu telliefa.

Dusan Petrovic skorja żewġ gowls għall-Mellieħin filwaqt li Chris Cardona skorja gowl ieħor għat-tim tiegħu.

Gabriel Ghigo żamm lil Żurrieq fil-logħba hekk kif skorja doppjetta.

Fi dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika, St George’s għelbu lil Qormi bl-iskor ta’ 5-2. Kienet logħba ferm akkanita biż-żewġ timijiet li kienu jafu d-destin tagħhom minħabba li se jilagħbu fiċ-Challenger League.

St George’s kellhom lil Emerson Amaira, Ismael Buhagiar, Tiago Rodrigues, Karl Luke Schembri u Clayton Micallef li niżżlu isimhom fost l-iskorers filwaqt li Craig Pickard skorja doppjetta għal Qormi.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE: 

Luxol 30,  Valletta 27, Ta’ Xbiex, Universita’ ta’ Malta 21, Mellieħa 18 , Naxxar Lions 15, St George’s 12, Żurrieq 7, Qormi, Siġġiewi 6, Marsaskala 1. 

Sport