Thursday, December 26, 2024

MAFA: San Ġwann PEA jagħtu t-tieni telfa lil Swieqi B.

Aqra wkoll

San Ġwann Pro Evolution Academy ħasdu lil-leaders tal-klassifika tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Swieqi Braves meta rebħulhom bl-iskor ta’ 1-0 f’logħba ferm intensiva iżda bilanċjata.

Din ir-rebħa għenet lill-istudenti Franċiżi sabiex jersqu biss erba’ punti bogħod mill-quċċata filwaqt li rnexxielhom jirritornaw għar-rebħ.

Min-naħa ta’ Swieqi, minkejja li ppruvaw xejn ma seta’ jiġihom tajjeb sabiex kellhom isofru t-tieni telfa staġjonali.

Il-gowl li ddeċieda l-konfront ġie skorjat man-nofs siegħa logħob permezz ta’ Merouane Benabou.

Referee kien Karl Stefan Galea.

Senglea Gunners komplew jitbiegħdu miż-żona tar-relegazzjoni meta ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Valletta Stars St Dominic 3-0.

It-tim mill-Isla skorjaw gowl fl-ewwel taqsima u żiedu tnejn oħra fit-tieni taqsima sabiex kisbu tliet punti ferm importanti.

Juan Zarate poġġa lill-Gunners fil-vantaġġ wara 31 minuta logħob sabiex Aaron Selam għamilhom 2-0 fil-45 minuta. Anas Souhaile issiġġilla r-rebħa fid-59 minuta.

Referee kien Lorry Sammut.

Fit-tieni diviżjoni, Attard Edex Kings telgħu fit-tieni post tal-klassifika meta għelbu lil Żebbuġ Youngsters 2-0.

Edex Kings ma sabuhiex faċli jinfdu d-difiża ferm organizzata taż-Żebbuġin għalkemm din żammet sod sas-57 minuta meta Braham Garcia Espinosa poġġa lil Attard fil-vantaġġ sabiex Aaron Bryne skorja t-tieni gowl ħames minuti wara.

Referee kien Gjorgji Bitri.

Mqabba Albions ġew miżmuma fi draw ta’ mingħajr gowls minn Gudja Wanderers. Dawn tal-aħħar iddefendew sa snienhom filwaqt li bdew itellgħu xi kontrattakki.

Mqabba ippruvaw kemm felħu filwaqt li kienu żvinturati li laqtu l-lasta f’aktar minn okkażjoni waħda.

B’dan id-draw, l-Albions jinsabu f’nofs il-klassifika filwaqt li Gudja qegħdin żewġ punti ‘l bogħod miż-żona l-ħamra li hi okkupata minn tliet timijiet.

Referee kien Ray Tabone.

Fil-partitissima tat-tielet diviżjoni, Ħamrun Amateurs telgħu fl-ewwel post tal-klassifika meta għelbu lill-isfidanti għar-rebħ tat-titlu Ħal Far Titans 1-0.

Wara skor ta’ 0-0 fl-ewwel taqsima f’logħba ferm difensiva, fit-tieni taqsima l-Ħamruniżi skorjaw il-gowl li ddeċieda l-logħba. Kien Joyfred Farrugia li rċieva tajjeb mil-lemin sabiex ħa vantaġġ minn rebound u xeħet il-ballun wara l-goalkeeper Gabriel Farrugia.

Referee kien Ian Xuereb.

Għaxaq Wolves kisbu post fil-kwarti tal-finali tan-Next Auto Car Sales Ltd KO meta ftit sabu diffikulta’ sabiex jegħlbu lil Naxxar Victorians 4-0.

L-Għaxqin skorjaw żewġ gowls f’kull taqsima u għalkemm Naxxar ippruvaw inaqqsu l-marġni tal-iskor, l-avversarji tagħhom kienu ferm sodi fid-difiża.

Rodney Grixti poġġihom minn fuq fit-tmien minuta bl-istess plejer jirdoppja fis-36 minuta.

Pablo Alvis fil-61 minuta u Jorge Carreno fis-66 minuta għaqqdu l-iskor għall-Wolves.

Referee kien Jonathan Balzan.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Swieqi Braves 17, Valletta St Paul’s 16, San Ġwann Pro Evolution Academy 13, San Ġiljan Saints 12, Balluta Barracudas 11, Senglea Gunners 10, Marsa St Michael 9, Valletta Stars 6.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 22, Attard Edex Kings 16, Ta’ Ġiorni Wanderers 14, Mqabba Albions 12, Gudja Wanderers 8, Birkirkara St Joseph , Żebbuġ Youngsters, Buġibba Club de SWAT 6.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Ħamrun Amateurs 17, Ħal Far Titans 16, Naxxar Victorians 6, Kalkara Flames 5, Mosta Vikings 2

Ekonomija

Sport