San Ġwann Pro Evolution Academy u Valletta Stars St Dominic kisbu rebħiet importanti iżda sorprendenti kontra Valletta St Paul’s u Marsa St Michael rispettivament sabiex telgħu aktar ‘il fuq fil-klassifika tagħhom.
Kemm il-Beltin kif ukoll il-Marsin kienu mistennija jieħdu t-tliet punti kontra avversarji li sa qabel dan il-konfront kienu għadhom qatt ma rebħu. Iżda b’mod sorprendenti dawn iddiżappuntaw sabiex naqqsu milli jżommu l-pass ma’ ta’ fuq.
San Ġwann Pro Evolution Academy kisbu l-ewwel tliet punti tal-istaġun meta għelbu lil Valletta St Paul’s 2-1.
Kienet logħba sostanzjalment bilanċjata biż-żewġ naħat li ħolqu diversi ċansijiet lejn il-lasti avversarji.
Kienu San Ġwann li marru minn fuq wara 13-il minuta logħob permezz ta’ Lilian Robin iżda Valletta mal-ewwel ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Michele Sansone.
San Ġwann Pro Evolution Academy fetħu t-tieni taqsima bil-kbir meta skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ Florian Picaud.
Referee kien Peter Abela.
Anke Valletta Stars kisbu l-ewwel rebħa staġjonali bi stil wara li għelbu lill-favoriti Marsa St Michael 3-1. Dawn tal-aħħar iddiżappuntaw ferm fejn m’għarfux iwettqu reazzjoni speċjalment fit-tieni taqsima meta kienu 2-1 minn taħt.
Valletta Stars St Dominic ma serqu xejn u ħadu vantaġġ minn xi żbalji difensivi sabiex kisbu rebħa importanti għall-klassifika tagħhom.
Kien Deisler Conti li f’temp ta’ 17-il minuta bejn is-6 u t-23 minuta skorja doppjetta sabiex ta vantaġġ tajjeb lill-Istilel Beltin. Lamin Jaiteh naqqas il-marġni tal-iskor għal Marsa sabiex l-iskor sa tmiem l-ewwel taqsima kien 2-1.
Fit-tieni taqsima, Valletta Stars St Dominic ħarġu tajjeb u għamluhom tlieta permezz ta’ Marena Damang li b’hekk aċċerta r-rebħa għat-tim tiegħu.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
Fit-tieni diviżjoni, Ta’ Ġiorni Wanderers u Mqabba Albions temmew il-partita prinċipali ta’ bejniethom fi draw ta’ 2-2.
Mqabba kellhom vantaġġ doppju għal siegħa sħiħa iżda l-aħħar għaxar minuti kienu tal-Wanderers li wara li naqqsu l-marġni tal-iskor, irnexxielhom iġibu d-draw drammatiku fil-ħin mogħti żejjed mir-referee.
Kien Gary Muscat li wara biss tliet minuti poġġa lill-Imqabbin minn fuq sabiex Calvin Agius irdoppja fid-19-il minuta.
Fit-tieni taqsima, daħal fix-xena l-attakkant Samuel Barthet li fl-aħħar għaxar minuta għen lit-tim tiegħu jikseb punt meta skorja doppjetta.
Referee kien Jason Penza.
Birkirkara St Joseph irritorna għar-rebħ meta f’logħba mimlija gowls għelbu lil Attard Edex Kings 6-3.
Kienet logħba fejn id-difiżi żgur li ma kinux protagonisti hekk kif saru numru ta’ żbalji difensivi li minnhom approfittaw l-attakkant avversarji.
Matthew Scerri poġġa lil Attard Edex Kings minn fuq wara li xeħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess sabiex awtogowl ta’ Miguel Alevadu u gowl ieħor ta’ Sheldon Vella dawru l-iskor għall-Karkariżi.
Minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Carlos Vilmar għamilhom 2-2, skor li bih għalqet l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, Miguel Grech skorja t-tielet gowl għal Birkirkara St Joseph iżda Hector Vargas ġab l-iskor indaqs fil-55 minuta.
L-aħħar kwarta kienet kollha ta’ Birkirkara li aċċertaw ir-rebħa permezz ta’ Miguel Grech, Iman Sedaghati u Kyle Formosa.
Referee kien Gordon Barbara.
Naxxar Victorians u Kalkara Flames spiċċaw fi draw ta’ 1-1. In-Naxxarin tilfu ċ-ċans li jilħqu lil Ħal Far Titans fil-klassifika b’Kalkara li kienu qed jirreġistraw it-tieni punt tagħhom.
Luke Mifsud poġġa lil Naxxar minn fuq fid-19-il minuta sabiex Gildave Brignone ġab l-iskor indaqs fil-61 minuta.
Referee kien Lorry Sammut.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Swieqi Braves 10, Balluta Barracudas 9, San Ġiljan Saints 7, Marsa St Michael 5, Valletta St Paul’s, Valletta Stars 4, San Ġwann Pro Evolution Academy, Senglea Gunners 3
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 10, Ta’ Ġiorni Wanderers 7, Mqabba Albions 6, Gudja Wanderers, Birkirkara St Joseph 5,Attard Edex Kings, Buġibba Club de SWAT 4, Żebbuġ Youngsters 1.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Ħal Far Titans 7, Ħamrun Amateurs, Naxxar Victorians 5, Kalkara Flames 2. Mosta Vikings 1,