Sunday, December 22, 2024

MAFA: Senglea Gunners u Marsa St Michael isaħħu t-tieni post 

Aqra wkoll

Senglea Gunners u Marsa St Michael baqgħu fit-tieni post tal-klassifika tal-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni, żewġ punti taħt il-leaders Valletta St Paul’s meta kisbu rebħiet importanti fil-ħarġiet rispettivi tagħhom. 

L-ikbar rebħa tal-ġurnata kisbuha Senglea Gunners li għelbu lit-tim tal-qiegħ Żebbuġ Youngsters bl-iskor ta’ 4-0. 

Kif jindika r-riżultat, it-tim mill-Kottonera ddomina l-partita biż-Żebbuġin li ftit setgħu jagħmlu kontra l-qawwa tal-avversarji tagħhom.  

Salem Benatiya poġġa lis-Sengleani minn fuq wara 20 minuta logħob sabiex l-aqwa skorer tal-kampjonat Lamin Jaiteh irdoppja l-iskor tmien minuti wara.  

Fit-tieni taqsima, George Frendo għamilhom 3-0 fis-56 minuta b’Lamin Jaiteh awtur ta’ doppjetta personali hekk kif skorja fl-aħħar minuta tal-logħba.  

Referee kien Alhasana Sillah.  

Marsa St Michael żammew il-pass mal-avversarji Sengleani u laħquhom fit-tieni post wara rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 1-0 kontra San Ġwann Pro Evolution Academy.  

Kienet logħba ferm interessanti b’Marsa li ħadu vantaġġ minn penalty li ġie mogħti fid-19-il minuta wara irregolarita’ fil-kaxxa ta’ San Ġwann. 

Mill-11-il metru kien Uchechi Chidozie li xeħet il-ballun fix-xibka għall-uniku gowl tal-partita u t-tliet punti għall-Marsin. 

Min-naħa ta’ San Ġwann, huma kienu qed idabbru r-raba’ telfa staġjonali. 

Referee kien Ray Tabone. 

Iċ-champions San Ġiljan Saints komplew bil-mument pożittiv tagħhom hekk kif għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0 sabiex pattew għat-telfa li kellhom fl-ewwel round.  

Il-Ġiljaniżi wrew l-intenzjonijiet tagħhom ċari sa mill-bidu u marru fil-vantaġġ wara erba’ minuti logħob grazzi għal Marcus Crowther bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-0 favurihom. 

Fit-tieni taqsima, is-Saints baqgħu konsistenti minkejja li Mqabba fetħu tajjeb. Huma rduppjaw l-iskor fid-49 minuta permezz ta’ Robert Veskimae b’Cedric Cassari jissiġġilla r-rebħa seba’ minuti minn tmiem il-konfront.  

Referee kien Peter Abela. 

Għaxaq Wolves tilfu żewġ punti importanti sabiex iżommu l-pass mal-leaders Attard Edex Kings meta sfaw miżmuma fi draw ta’ 2-2 kontra Ħamrun Amateurs. Dawn tal-aħħar wettqu rimonta liema bħalha minkejja li kienu minn taħt sabiex aċċertaw punt ferm drammatiku.  

Min-naħa ta’ Għaxaq Wolves, huma baqgħu fit-tieni post, tliet punti minn mal-leaders minn Ħ’Attard. 

Għaxaq Wolves marru minn fuq wara għaxar minuti logħob permezz ta’ Kieran Conti Azzopardi bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-0 favurihom. 

Fit-tieni taqsima, Klose Conti Azzopardi rdoppja l-iskor fil-55 minuta. 

Meta kollox kien jidher li l-Wolves kienu se jieħdu t-tliet punti, pront waslet ir-reazzjoni Ħamruniża hekk kif ġabu l-iskor indaqs grazzi għal Josef Zammit fid-59 minuta u Glenn Aquilina li proprju fl-aħħar minuta skorja l-gowl tat-2-2. 

Referee kien Jason Penza. 

Gowl uniku skorjat fit-tieni taqsima, kien biżżejjed sabiex Fgura Spartans jiksbu t-tieni rebħa staġjonali din id-darba kontra Gżira United Sports Club. 

Din ir-rebħa kienet importanti għall-Fgurin minħabba li laħqu lill-istess avversarji fil-klassifika.  

Il-gowl tant prezzjuż ġie skorjat fit-56 minuta permezz ta’ Ahmed Mustafa.  

Referee kien Darko Stankovic. 

KLASSIFIKA – MOCHIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI 

Valletta St Paul’s 17, Senglea Gunners, Marsa St Michael 15, San Ġiljan Saints 13, Tal-Qroqq Versity Kamelasa 11, San Ġwann Pro Evolution Academy 10, Mqabba Albions 8, Żebbuġ Youngsters 1 

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI 

Attard Edex Kings 17, Għaxaq Wolves 14, Buġibba Club de SWAT 11, Gżira United SC, Fgura Spartans 8, Ħamrun Amateurs 5 

Ekonomija

Sport