Swieqi Braves ġew inkurunati bħala champions tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA hekk kif rebħu wkoll l-aħħar konfront tagħhom kontra Birkirkara St Joseph 3-0.
It-tim minn Swieqi kien f’vena ta’ ċelebrazzjoni u ried jaċċerta li jispiċċa l-istaġun fuq nota tajba billi jieħu t-tliet punti finali.
Kien staġun eċċezzjonali għat-tim magħmul minn studenti Brażiljani u Franċiżi li ddominaw il-kampjonat u kisbu 37 punt minn 14-il logħba.
Swieqi urew l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru minn fuq wara biss tmien minuti permezz ta’ Pedro Silva li ħa vantaġġ minn żball difensiv.
Il-Braves irduppjaw l-iskor kwarta wara u din id-darba kien Simon Viol li rċieva tajjeb u f’lasta vojta tefa’ ġewwa.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel u bil-logħba mirbuħa u mitlufa, Swieqi ngħataw penalty lejn l-aħħar meta difensur ta’ Birkirkara mess il-ballun b’idu.
Mill-11-il metru, kien Eder Pacagnella li għeleb lil Brandon Muscat bejn il-lasti Karkariżi.
Fi tmiem il-konfront, il-viċi-president tal-MFA Adrian Casha ppreżenta t-tazza lill-captain ta’ Swieqi Braves Bruno Menezes fil-preżenza tas-segretarju tal-MAFA David Abdilla u l-president ta’ Swieqi United FC Justin Fenech.
Referee kien Alex Grech.
Sadanittant kellna verdett ieħor minn din l-aħħar ġurnata tal-kampjonat hekk kif Balluta Barracudas kisbu l-promozzjoni drammatika meta skorjaw il-gowl rebbieħ fil-ħin mogħti żejjed mir-referee fil-partita li kellhom kontra Ta’ Ġiorni Wanderers.
Rebħa biss setgħet tissodisfa lil Cudas li kienu għadhom ġejjin minn telfa xi ftit iebsa kontra Żabbar Southsiders.
L-avversarji minn Ta’ Ġiorni kienu għadma iebsa u ftit ħallew lill-avversarji tagħhom jattakkaw għalkemm dak il-gowl drammatiku skorjat fit-73 minuta minn Nick Borg kellu jkun dak tant importanti. Referee kien Lorry Sammut.
Aktar qabel, Valletta Stars St Dominic kienu rebħu 5-0 lil Żabbar Southsiders sabiex kienu qabżu temporanjament fit-tieni post tal-klassifika.
Il-Beltin iddominaw din il-partita kontra tim li kien diġa’ jaf li kien relegat.
Moreno Damang, Mohamed Abdoukadir u Deisler Azzopardi Conti skorjat tliet gowls fl-ewwel taqsima għal Valletta Stars.
Fit-tieni taqsima, l-Istilel mill-Kapitali sabu l-ħin jiskorjaw żewġ gowls oħra b’Azzopardi Conti jgħaqqad tripletta wara li sab ix-xibka darbtejn.
Madankollu din ir-rebħa ma swiet għalxejn minħabba li aktar tard Balluta rebħu l-konfront tagħhom u kienu huma li ġew promossi għall-Ewwel Diviżjoni minflokhom.
Referee kien Jonathan Balzan.
Gudja Wanderers temmew dan il-kampjonat fir-raba’ post tal-klassifika wara li kisbu rebħa konvinċenti ta’ 3-0 kontra Naxxar Victorians.
Il-Gudjani kellhom it-tieni parti tal-istaġun ferm tajjeb fejn kisbu punti prezzjużi li tellgħuhom ħafna skaluni fil-klassifika.
Għal Naxxar din kienet l-għaxar telfa staġjonali sabiex spiċċaw fl-aħħar post u relegati għat-tielet diviżjoni.
Andrew Cachia poġġihom minn fuq wara 33 minuta sabiex Karl Bianco u Braden Calleja żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Referee kien Pasquale D’Errico.
Fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Ħamrun Amateurs u Gżira United Sports Club spiċċaw fi draw ta’ 1-1 sabiex temmew l-impenji tagħhom fil-kampjonat b’punt kull wieħed.
Ħamrun marru fil-vantaġġ wara l-intervall meta kien Santiago Gomes Acevedo li għeleb lill-goalkeeper ta’ Gżira sabiex Stefan Farrugia eżatt lejn it-tmiem tal-konfront ġab l-iskor indaqs.
Referee kien Gjorgji Bitri.
KLASSIFIKA FINALI – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Swieqi Braves 37, Balluta Barracudas 26, Valletta Stars St Dominic 25, Gudja Wanderers 19, Ta’ Ġiorni Wanderers 18, Birkirkara St Joseph 15, Żabbar Southsiders 11, Naxxar Victorians 8
Swieqi Braves champions
Balluta Barracudas promossi
Żabbar Southsiders, Naxxar Victorians relegati
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Attard Edex Kings 27, Għaxaq Wolves 26, Buġibba Club de SWAT 20, Gżira United Sports Club 15, Ħamrun Amateurs 10, Fgura Spartans 2.