Saturday, October 26, 2024

MAFA: Swieqi Braves viċin il-promozzjoni wara rebħa fil-konfront dirett

Aqra wkoll

Swieqi Braves jinsabu ferm viċin li jiġu promossi għall-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta fil-konfront dirett għelbu lil Valletta Stars St Dominic bl-iskor kbir ta’ 5-0.

Kienet logħba fejn il-plejers Brażiljani ddominaw mill-bidu sal-aħħar bil-Beltin li sabuha ferm diffiċli jirrepetu l-bravuri ta’ dawn l-aħħar partiti filwaqt li temmew serje ta’ logħbiet ta’ rebħ konsekuttiv.

Swieqi ħarġu tajjeb u wara sitt minuti logħob marru minn fuq meta kien Pedro Silva li bir-ras illobbja minn fuq il-keeper ta’ Valletta Stars Jhon Pulido għal ġewwa.

Fit-22 minuta, il-Braves irduppjaw l-iskor u din id-darba kien German Pera li skorja mill-viċin b’Nelson Barreto li ħames minuti wara għamilhom 3-0.

L-Istilel Beltin dehru konfużi u dlonk qalgħu r-raba’ gowl permezz ta’ Joao Lima.

Fit-tieni taqsima, ir-ritmu tal-logħba waqa’ xi ftit għalkemm il-Braves sabu ċ-ċans li jiskorjaw il-ħames gowl meta wara diżattenzjoni difensiva, kien Matheus Verissimo li f’lasta vojta xeħet ġewwa.

Din kienet rebħa importanti għal Swieqi b’Valletta li issa jridu joqogħdu attenti minn Balluta Barracudas li jinsabu żewġ punti biss warajhom.

Referee kien Jean Pierre Mifsud.

Balluta Barracudas kisbu rebħa importanti kontra Gudja Wanderers hekk kif rebħu 3-0.

Kienet logħba fejn il-Cudas amministraw sew b’Gudja li ma sabuhiex faċli kontra l-qawwa tal-avversarji tagħhom.

Balluta marru minn fuq wara biss tliet minuti permezz ta’ Kain Gauci sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima, Balluta kkontrollaw sew lill-avversarji tagħhom u rduppjaw l-iskor minn penalty ta’ Andrew Tortell. Ftit minuti wara, l-istess Tortell kellu penalty ieħor li ħabat mal-wieqfa sabiex Gudja ħelsuha ħafif.

Minkejja kollox, eżatt lejn l-aħħar Balluta Barracudas għamluhom 3-0 u din id-darba kien Jake Chetcuti li skorja.

Referee kien Karl Stefan Galea.

Ta’ Ġiorni Wanderers naqqsu milli jieħdu vantaġġ mill-aħħar riżultati hekk kif setgħu jiġu biss fi draw ta’ 1-1 kontra Birkirkara St Joseph.

Kien Shiro Luengas De La Hoz li poġġa lil Birkirkara fil-vantaġġ sabiex mal-kwarta logħob Edward Micallef Stafrace ġab l-iskor indaqs għal Ta’ Ġiorni.

Referee kien Reno Galea.

Fid-dwell bejn żewġ timijiet li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika Naxxar Victorians u Żabbar Southsiders spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Dan ma kienx riżultat tajjeb għaż-żewġ naħat minħabba li l-klassifika tagħhom ma nbidlet xejn.

Il-partita laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima meta ġew skorjati l-uniċi żewġ gowls tal-logħba. Ousmane Watara poġġa liż-Żabbarin minn fuq sabiex Maverick Grech ġab l-iskor indaqs minuta qabel it-tisfira finali.

Referee kien Jason Penza.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Ħamrun Amateurs qabżu lil Fgura Spartans fil-klassifika meta għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0.

Kienet logħba li l-Ħamruniżi amministraw sew bl-avversarji Fgurin li b’xi plejers neqsin ftit setgħu jagħmlu.

Kien Luke Mifsud li poġġa lil Ħamrun minn fuq sabiex Ramon Vella żied ieħor ħames minuti minn tmiem il-logħba.

Referee kien Gordon Barbara.

Sport