Valletta St Pauls kisbu t-tieni rebħa staġjonali bi stil meta għelbu liċ-champions San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 3-2 f’partita ferm interessanti li ntlagħbet fil-grawnd ta’ Marsaxlokk.
Hekk kif intlagħbet it-tieni ġurnata tal-Mochika MAFA L-Ewwel Diviżjoni, Mqabba Albions komplew jimpressjonaw hekk kif wara li rebħu lil San Ġiljan, kisbu rebħa oħra din id-darba kontra l-favoriti Senglea Gunners.
San Ġwann ixxalaw u rebħu bl-iskor kbir ta’ 5-0 kontra Żebbuġ Youngsters filwaqt li f’logħba bilanċjata, Marsa St Michael u Tal-Qroqq Versity Kamelasa spiċċaw fi dro ta’ 2-2.
Valletta St Pauls żammew il-konsistenza tagħhom hekk kif għelbu lil San Ġiljan Saints 3-2 f’partita li offriet emozzjonijiet sal-aħħar.
Il-Beltin fetħu tajjeb u marru fil-vantaġġ wara 12-il minuta logħob permezz ta’ Rudolf Santiago li għeleb lil Stinchcombe bejn il-lasti tas-Saints.
Tliet minuti wara, is-St Pauls għamluhom tnejn meta wara azzjoni ta’ korner, id-difiża ta’ San Ġiljan naqqset li tikklerja u reġa’ kien Santiago li mill-viċin għamilhom 2-0, riżultat li bih għalqet l-ewwel taqsima.
Fit-tieni taqsima, San Ġiljan naqqsu l-marġni tal-iskor b’gowl mill-isbaħ ta’ Robert Veskimae li daħal tajjeb u b’xutt minn tarf il-kaxxa għeleb lil Jianiro Camilleri.
Minkejja kollox, reġgħu kienu Valletta li skorjaw din id-darba permezz ta’ Tsotne li f’kontrattakk għamilhom 3-1.
Felix Mack daħħal ftit tama għal San Ġiljan meta d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat fix-xibka.
Minkejja kollox, il-Beltin ikkontrollaw sabiex għamluhom żewġ rebħiet minn daqstant logħbiet.
Referee kien Lorry Sammut.
Gowl drammatiku skorjat minn Shaun Abela fil-ħin mogħti żejjed mir-referi ta tliet punti oħra lit-tim promoss ta’ Mqabba Albions li għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 1-0.
L-Albions kienu għadhom ġejjin mir-rebħa kontra San Ġiljan filwaqt li l-Gunners rebħu l-logħba tagħhom kontra Żebbuġ.
Minkejja li Senglea ppruvaw jiddettaw il-logħba, l-Imqabbin kienu sodi fid-difiżi u kellu jkun dak il-gowl fis-73 minuta li ta r-rebħa lil dawn tal-aħħar.
Referee kien Jean Pierre Mifsud.
San Ġwann Pro Evolution Academy ħadu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Żebbuġ Youngsters bl-iskor ta’ 5-0 f’logħba li huma ddominaw mill-bidu sal-aħħar.
Kien Swann Vachet li poġġa lil San Ġwann minn fuq wara 20 minuta logħob sabiex minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima, Martin Maire rdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.
Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba qajla nbidel bl-istudenti Franċiżi li komplew jiskorjaw permezz ta’ doppjetta ta’ Robin Housset fid-39 u fis-70 minuta u Elson Zogejani fl-40 minuta.
Referee kien Peter Abela.
F’partita ferm bilanċjata, Tal-Qroqq Versity Kamelasa u Marsa St Michael spiċċaw fi dro ta’ 2-2.
Kienu t-tim minn Tal-Qroqq li marru minn fuq permezz ta’ Armenak Tueysuez fis-17-il minuta sabiex Anthony Portelli ġab l-iskor indaqs għal Marsa.
Peter Khiev reġa’ poġġa lil Tal-Qroqq Versity Kamelasa fil-vantaġġ sabiex eventwalment Marsa ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ gowl fil-ħin miżjud ta’ Armando Hussein.
Referee kien Gjorgji Bitri.
Sadanittant iż-żewġ partiti li ntlagħbu mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni spiċċaw fi dro hekk kif Fgura Spartans laħqu lil Buġibba Club de Swat fl-ewwel post tal-klassifika wara skor ta’ 1-1 kontra Attard Edex Kings.
Kien Luke Camilleri li poġġa lill-Ispartans fil-vantaġġ sabiex Arvey Deison Cuero ġab l-iskor indaqs għat-tim minn Ħ’Attard.
Referee kien Jason Penza.
Għaxaq Wolves u Gżira United Sports Club kisbu t-tieni punt staġjonali wara skor simili ta’ 1-1.
Kienet logħba li ġiet deċiża fit-tieni taqsima, bi Gżira li jmorru minn fuq permezz ta’ Irvine Mifsud għalkemm waslet ir-reazzjoni f’waqtha ta’ Għaxaq li ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Marlon Farrugia.
Referee kien Saviour Brignone.
KLASSIFIKA MOCHIKA MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:
Valletta St Pauls, Mqabba Albions 6, Marsa St Michael 4, San Ġwann Pro Evolution Academy, Senglea Gunners 3, Tal-Qroqq Versity 1, Żebbuġ Youngsters, San Ġiljan Saints 0
KLASSIFIKA MAFA – IT-TIELET DIVIŻJONI
Fgura Spartans, Buġibba Club de Swat 4, Attard Edex Kings, Gżira United SC, Għaxaq Wolves 2, Ħamrun Amateurs 0