Monday, October 14, 2024

MAFA: Valletta St Paul’s iżommu r-rekord perfett

Aqra wkoll

Iċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Valletta St Paul’s kisbu rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 1-0 kontra r-rivali antiki Marsa St Michael’s sabiex baqgħu b’punti massimi minn żewġ logħbiet u laħqu lil Għaxaq Wolves fl-ewwel post tal-klassifika.

Kienet logħba tattika ħafna bi ftit azzjonijiet lejn il-lasti avversarji u b’ħafna logħob f’nofs il-grawnd.

Il-gowl li ddeċieda l-konfront kien skorjat fis-26 minuta hekk kif l-attakkant Ian Zammit ħa ballun tajjeb filwaqt li avvanza u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lill-goalkeeper ta’ Marsa St Michael Alvarez.

Fl-aħħar parti tal-logħba, il-Marsin għamlu minn kollox biex jiksbu d-draw drammatiku iżda l-Beltin baqgħu sodi fid-difiża sabiex ħadu dak li riedu.

Referee kien Gordon Barbara.

F’konfront ferm bilanċjat, San Ġwann Pro Evolution Academy u Ta’ Ġiorni Wanderers temmew il-konfront ta’ bejniethom fi draw ta’ 1-1.

Il-logħba ġiet deċiża lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima meta ġew skorjati żewġ gowls, wieħed f’kull naħa.

Kienu San Ġwann li marru minn fuq permezz ta’ Naeldine Dhounouraini fil-35 minuta sabiex tliet minuti fuq il-ħin, Aaron Mizzi ġab l-iskor indaqs għal Ta’ Ġiorni.

B’hekk San Ġwann ħadu t-tieni punt staġjonali filwaqt li Ta’ Ġiorni kisbu punt li bih telgħu ħarira fil-klassifika.

Referee kien Ray Tabone.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni spikka l-konfront bejn żewġ rivali antiki, Valletta Stars St Dominic u Senglea Gunners. Kienu tal-ewwel li rebħu 3-1 f’partita li huma rnexxielhom idawru telfa f’rebħa.

Kienu l-Gunners li marru minn fuq permezz ta’ Miguel Zammit sabiex qabel tmiem l-ewwel taqsima, Mohammed Abdoukadir ġab l-iskor indaqs għall-Beltin. L-istess plejer skorja t-tieni gowl personali sabiex Deisler Conti Azzopardi issiġġilla r-rebħa finali.

Referee kien Thomas Debono.

Żebbuġ Youngsters kisbu l-ewwel rebħa tagħhom bi stil meta għelbu lil Attard Edex Kings 4-1.

Iż-Żebbuġin sabu ruħhom gowl minn taħt iżda kienu kapaċi biżżejjed li jdawru r-riżultat favurihom u eventwalment jieħdu t-tliet punti.

Miguel Acevedo kompla jżomm l-appuntament mal-gowl meta poġġa lil Attard Edex Kings minn fuq għalkemm il-Youngsters skorjaw żewġ gowls qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Luke Cachia u Ryan Ricardo Fonseca. L-istess plejer skorja t-tieni gowl personali tiegħu sabiex Bilaly Ceesay għaqqad l-erbgħa għar-rebbieħa.

Referee kien Karl Galea.

Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Qajjenza AFC u Naxxar Victorians spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Kienet logħba ferm bilanċjata biż-żewġ naħat li wettqu botta u risposta u b’hekk skorjaw żewġ gowls kull wieħed.

Linus Precious Tenebe poġġa lil Qajjenza minn fuq fil-21 minuta sabiex Mohamed Mahmoud Elosta ġab l-iskor indaqs għal Naxxar.

Fit-tieni taqsima, kien Fabrizio Farrugia li skorja l-gowl tal-vantaġġ għall-Victorians b’John Paul Barbara li ġab l-iskor indaqs għal Qajjenza.

Referee kien Onur Arslan.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport