Il-leaders tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Swieqi Braves sofrew l-ewwel telfa tagħhom f’dan il-kampjonat wara li ġew megħluba minn Valletta St Paul’s 1-0.
Kienet wirja ta’ karattru min-naħa tal-Beltin li kienu aggressivi tul il-logħba kollha bi Swieqi li għamlu li minkejja li taw qalbhom, ħarġu b’idejhom vojta minn dan il-konfront.
Il-gowl li għamel id-differenza għal Valletta St Paul’s wasal fil-50 minuta meta wara corner ta’ Nikolay Filipov, kien Rafael Ledesma li kompla lejn Hugo Vinicius li bir-ras għeleb lil Erick Vidal bejn il-lasti ta’ Swieqi.
Il-plejers Brażiljani ppruvaw kemm felħu sabiex għallinqas jieħdu punt minn din il-partita iżda l-Beltin żammew sod sabiex rebħu l-partita u eventwalment reġgħu daħlu fit-tiġrija għat-titlu finali. Huma jinsabu biss punt bogħod mill-istess avversarji meta fadal logħba waħda biex jintemm l-ewwel round.
Referee kien Sillah Al Hasana.
Balluta Barracudas issa qed jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika bi 11-il punt daqs Swieqi Braves wara li ġew draw ta’ 1-1 kontra Marsa St Michael.
Kienet logħba ferm interessanti biż-żewġ naħat li riedu rebħa sabiex iżommu t-tamiet tagħhom li jibqgħu ma’ ta’ fuq.
Marsa kienu qed jirbħu din il-partita iżda ġew milħuqa mill-Cudas li kienu ferm tajbin li jwettqu reazzjoni fil-ħin.
Kieran Licari poġġa lil Marsa St Michael minn fuq fit-52 minuta sabiex fil-ħin mogħti żejjed mir-referee, Jamie Moss ġab l-iskor indaqs għal Balluta.
Referee kien Reno Galea.
Fit-tieni diviżjoni kompliet il-mixja pożittiva ta’ Għaxaq Wolves meta ddominaw u għelbu lil Birkirkara St Joseph 7-2.
Sa tmiem l-ewwel taqsima, l-iskor kien diġa’ 4-0 b’Sebastian Nayar, Dhonnattann u Diego Fernando Pereira jispikkaw b’gowls wieħed isbaħ mill-ieħor. Fil-fatt dawn it-tliet plejers skorjaw doppjetta kull wieħed b’Waylon Spiteri jżid ieħor żewġ minuti minn tmiem il-partita.
Birkirkara kellhom is-sodisfazzjon li jiskorjaw żewġ gowls ta’ konsolazzjoni permezz ta’ Stefan Farrugia u Owen Dalli.
B’din ir-rebħa, l-Għaxqin issa fetħu vantaġġ ta’ ħames punti fuq it-tim fit-tieni post u disa’ punti fuq it-tielet.
Referee kien Jason Penza.
F’partita li ddiżappuntat, Gudja Wandereres u Ta’ Ġiorni Wanderers spiċċaw fi draw ta’ 0-0. Kienet logħba fejn id-difensuri u l-goalkeepers kienu ferma aħjar mill-attakkanti rispettivi li minkejja l-isforzi tagħhom ma setgħux isibu x-xibka.
Għal Ta’ Ġiorni dan kien riżultat li fisser li issa tbiegħdu minn mal-leaders Għaxaq b’ħames punti filwaqt li bil-punt li kisbu Gudja telgħu fir-raba’ post tal-klassifika.
Referee kien Jonathan Balzan.
Ħal Far Titans bdew it-tieni round tal-kampjonat tat-tielet diviżjoni bl-aħjar mod possibbli wara li għelbu lil Kalkara Flames 2-1.
Ma kinitx logħba faċli għat-Titans li raw reazzjoni f’waqtha tal-Flames li jistgħu jqisuhom ruħhom żvinturati li ma ħarġux minn tal-inqas b’punt minn dan il-konfront.
Kieran Brincau poġġa lil Ħal Far Titans minn fuq wara 11-il minuta logħob sabiex Luke Cachia ġab l-iskor indaqs fil-65 minuta.
Meta kollox kien jidher li l-logħba se tispiċċa fi draw wasal il-gowl tar-rebħa ta’ Ħal Far Titans skorjat minn Andrew Vella.
Referee kien Gjorgji Bitri.
KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI
Swieqi Braves, Balluta Barracudas 11, Valletta St Paul’s 10, San Ġiljan Saints 7, Senglea Gunners 6, Marsa St Michael 5, Valletta Stars 5, San Ġwann Pro Evolution Academy 4
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI
Għaxaq Wolves 16, Ta’ Ġiorni Wanderers 11, Mqabba Albions 7, Gudja Wanderers 6, Birkirkara St Joseph, Attard Edex Kings 5, Buġibba Club de SWAT, Żebbuġ Youngsters 4.
KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI
Ħal Far Titans 13, Ħamrun Amateurs 8, Naxxar Victorians 5, Kalkara Flames 2, Mosta Vikings 1