Valletta St Paul’s bdew bl-aħjar mod possibbli l-avventura tagħhom fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni meta għelbu lil Senglea Gunners b’gowl uniku.
Din kienet it-tieni darba f’temp ta’ ġimgħa li ż-żewġ naħat iltaqgħu wara li fil-Joe Compagno Cup kienu l-istess Beltin li rebħu 2-1 wara l-ħin barrani.
Wara taqsima fejn ma kellniex gowls, Valletta bdew tajjeb it-tieni 35 minuta tant li marru minn fuq. Kien Christian Caruana li kkonkluda azzjoni tajba ta’ Valletta meta għeleb lill-goalkeeper Jurgen Cilia bejn il-lasti Sengleani.
Senglea Gunners ittantaw reazzjoni iżda d-difiża Beltija kienet tajba sabiex aċċertaw bl-ewwel tliet punti tal-istaġun.
Referee kien Ray Tabone.
Iż-żewġ timijiet promossi Valletta Stars St Dominic u Swieqi Braves ikkanċellaw lil xulxin wara draw ta’ mingħajr gowls.
Valletta bdew tajjeb l-ewwel għoxrin minuta iżda Swieqi bdew joqogħdu u bdew joħolqu diversi okkażjonijiet ta’ skor.
Madankollu ż-żewġ gowlkeepers Humphies ta’ Valletta Stars u Vidal ta’ Swieqi kienu l-protagonisti hekk kif żammew il-lasti tagħhom mhux mimsusa.
Referee: Peter Abela.
Mill-kampjonat tat-tieni diviżjoni, Ta’ Ġiorni Wanderers bdew l-istaġun b’mod pożittiv b’rebħa minima iżda prezzjuża ta’ 1-0 kontra Żebbuġ Youngsters. Kienet rebħa drammatika iżda importanti għat-tim immexxi minn Andrew Sant Fournier li b’hekk kompla juri l-potenzjal tiegħu fit-tielet staġun tagħhom fil-MAFA.
Il-gowl li ddeċieda l-konfront ġie skorjat minuta minn tmiem il-konfront mill-iskorer prolifiku Edward Micallef Stafrace.
Referee kien Jonathan Balzan.
Anke Gudja Wanderers kellhom bidu perfett wara rebħa minima ta’ 1-0 kontra t-tim promoss ta’ Attard Edex Kings.
L-uniku gowl tal-logħba għal Gudjani wasal fil-ħin mogħti żejjed mir-referee qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Damian Callus.
Fit-tieni taqsima, Attard ippruvaw iżidu l-pressjoni iżda kien diffiċli jgħaddu mid-difiża ferm organizzata tal-Wanderers.
Referee kien Sillah Al Hasana.
Ħal Far Titans kisbu rebħa kbira ta’ 3-0 kontra Kalkara Flames fil-kampjonat tat-tielet diviżjoni. Dawn iż-żewġ timijiet kienu qed jagħmlu d-debutt tagħhom f’din l-assoċjazzjoni.
Ħal Far urew l-intenzjonijiet tagħhom sa mill-bidu u marru minn fuq fit-12-il minuta permezz ta’ Alessio Galea.
Fit-tieni taqsima, Kalkara Flames ittantaw reazzjoni iżda reġgħu kienu Ħal Far li skorjaw permezz ta’ Lincoln Micallef.
Kalkara dehru konfużi u ma kinitx sorpriża li qalgħu t-tielet gowl fejn reġa’ kien Alessio Galea li skorja li b’hekk għaqqad doppjetta personali.
Referee kien Alex Grech.