Żebbuġ Youngsters huma l-leaders assoluti tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni tal-MAFA wara li għelbu lil San Ġwann Pro Evolution Academy 2-1 fil-konfront dirett.
Mill-banda l-oħra, Mqabba Albions qabżu fit-tielet post tal-klassifika meta f’partita diretta oħra dawru telfa f’rebħa wara skor ta’ 2-1 kontra Balluta Barracudas.
Naxxar Victorians rebħu d-derby kontra Mosta Vikings b’gowl f’kull taqsima filwaqt li Fgura Spartans setgħu jiċċelebraw l-ewwel rebħa staġjonali wara li għelbu lil Żejtun Laċċi 2-0.
Fil-partita prinċipali ta’ tmiem din il-ġimgħa, Żebbuġ Youngsters temmew l-ewwel round b’rekord perfett hekk kif għelbu lil San Ġwann Pro Evolution 2-1.
Kienet logħba mill-isbaħ bejn żewġ timijiet li sa qabel dan il-konfront kienu qed jaqsmu l-ewwel post flimkien bl-istess numru ta’ punti.
San Ġwann ħarġu tajjeb u bdew ikunu perikolużi lejn il-lasti tal-goalkeeper ta’ Żebbuġ Victorio Ciantar li kien superlattiv f’din il-partita tant li laqa’ kull ma ġie għal idejh.
Żebbuġ marru minn fuq minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima meta wara azzjoni ta’ corner, id-difiża ta’ San Ġwann naqset milli tikklerja sabiex kien Justin Theuma li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Maxime Millot.
Fit-tieni taqsima, il-Youngsters fetħu tajjeb u rduppjaw l-iskor meta kien Joao Orban li approfitta minn żball difensiv sabiex għeleb għat-tieni darba lil Millot mill-viċin.
Fl-aħħar tal-partita, San Ġwann bdew jagħfsu sabiex jerġgħu jidħlu fil-partita u rnexxielhom inaqqsu l-marġni tal-iskor bi ġmiel ta’ gowl ta’ Ryotaro Sugimoto li għeleb lil Ciantar. L-istess gowlkiper Żebbuġi salva lit-tim tiegħu b’save mill-aqwa fuq xutt ta’ Abdul Fadeel bil-ballun jispiċċa f’corner.
Fl-aħħar mill-aħħar kienu l-Youngsters li ħadu r-rebħa finali li b’hekk għalqu l-ewwel round b’21 punt minn seba’ logħbiet.
Referee kien Peter Abela.
Mqabba Albions telgħu waħedhom fit-tielet post tal-klassifika wara li għelbu lil Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 2-1.
Kienet logħba ta’ żewġ uċuħ, b’Balluta tajbin ferm fl-ewwel taqsima, bi Mqabba li wettqu reazzjoni qawwija bil-kowċ tagħhom Kevin Bugeja li wettaq sostituzzjoni f’waqtha li biddlet il-pjan kompletament il-logħba.
Balluta Barracudas marru minn fuq wara 12-il minuta logħob permezz ta’ gowl sabiħ ta’ Jorge Benitez.
Fit-tieni taqsima, Mqabba bdew jagħfsu għall-gowl tad-dro u kien proprju fl-aħħar li saħansitra dawwru l-logħba favurihom l-ewwel permezz ta’ Alan Errington sabiex is-sostitut Shawn Abela ta t-tliet punti importanti lit-tim tiegħu.
Referee kien Jean Pierre Sammut.
Naxxar Victorians kisbu t-tielet rebħa staġjonali wara li għelbu lill-ġirien Mosta Vikings 2-0. Kienet logħba fejn in-Naxxarin ikkontrollaw tajjeb lill-avversarji tagħhom minkejja li dawn tal-aħħar taw qalbhom f’din il-partita bix-xorti li xejn ma kienet magħhom lanqas din id-darba.
Fabrizio Farrugia poġġa lil Victorians fil-vantaġġ fis-17-il minuta sabiex eżatt fl-aħħar Mark Deguara rdoppja l-iskor u ssiġġilla r-rebħa għat-tim tiegħu.
Referee kien CJ Saliba.
Fi dwell tan-naħa t’isfel tal-klassifika, Fgura Spartans kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun meta għelbu lil Żejtun Laċċi 2-0. Dawn tal-aħħar baqgħu fl-aħħar post tal-klassifika b’punt wieħed biss fejn minkejja li lagħbu logħba tajba, kellhom jaqilgħu żewġ gowls lejn l-aħħar li għamlu d-differenza kollha.
J.P Borg poġġa lil Fgura fil-vantaġġ fid-59 minuta sabiex Leon Barbara għamilhom 2-0 seba’ minuti wara.
Referee kien Lorry Sammut.
Mill-kampjonat tat-tielet diviżjoni, Ta’ Ġiorni Wanderers kisbu rebħa ferm importanti għall-klassifika tagħhom wara li għelbu lit-tim tal-qiegħ Ħal Far Sparks 4-1.
It-tim minn Ta’ Ġiorni għamel l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u marru minn fuq wara biss 60 sekonda permezz ta’ Luke Gatt sabiex Samuel Vella rdoppja l-iskor fl-10 minuta.
Fis-26 minuta, Ħal Far Sparks naqqas il-marġni tal-iskor u skorja l-ewwel gowl tal-istaġun għat-tim tiegħu għalkemm il-Wanderers ftit kienu impressjonati tant li għamluhom tlieta permezz ta’ George Andrew Marshall.
Fl-40 minuta Luke Mifsud issiġġilla r-rebħa finali għal Ta’ Ġiorni li issa għalqu l-ewwel round b’10 punti.
Referee kien Pasquale D’Errico.