Friday, May 17, 2024

Protagonista maħbub minn “Sex and the City” akkużat għat-tielet darba

It-tielet mara tallega li Chris Noth - “Mr Big” - attakkaha sesswalment

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-protagonista Chris Noth, magħruf bħala l-maħbub tal-protagonista ewlenija Sarah Jessica Parker fis-sensiela popolari ferm man-nisa “Sex and the City”, qiegħed jerġa’ jiffaċċja akkużi ta’ attakk sesswali. F’dawn il-ġranet ħarġet l-aħbar li t-tielet mara, irrapportata li għandha 30 sena, allegat li Noth attakkaha f’uffiċċju ta’ ristorant fl-2010.

F’intervista ma’ “The Daily Beast”, b’isem fittizju ta’ Ava, l-allegata vittma qalet li, “f’dak il-mument ħsibt li kont l-unika persuna fl-univers li stajt nisma’ lili nnifsi ngħidlu ‘le’”. Hija qalet li ddeċidiet li toħroġ l-aħbar pubblika wara li l-“The Hollywood Reporter”, jum qabel, ippubblika l-istejjer ta’ żewġ nisa oħra li wkoll akkużaw lil Noth b’attakk sesswali, waħda fl-2004 u l-oħra fl-2015. L-attur ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.

“F’dak il-mument ħsibt li kont l-unika persuna fl-univers li stajt nisma’ lili nnifsi ngħidlu ‘le’…” – l-allegata vittma

Meta seħħ l-allegat attakk, Ava kellha 18-il sena u kienet qiegħda taħdem f’ristorant Taljan ħdejn it-Times Square. Hija kienet qiegħda tagħmel dan ix-xogħol part time biex tkun tista’ tiffinanzja l-istudji tagħha għal karriera bħala attriċi.

Noth dak iż-żmien kellu 55 sena u kien imur xi drabi f’dan ir-ristorant. L-allegata vittma qalet li ħafna drabi huwa kien ikun fis-sakra u xi drabi kienu jkantaw flimkien. Ava qalet li darba fost l-oħrajn hija poġġiet fuq mejda miegħu u ddiskutew il-futur tal-karriera tagħha u l-post fejn trabbiet, Toronto.

Il-mara Kanadiża tiftakar li f’din il-konversazzjoni Noth qalilha kemm-il darba li jħob lin-nisa Kanadiżi u li poġġiha fuq ħoġortu fejn ħasset li kien eċċitat sesswalment għaliha. Hija allegat attakk sesswali wara li għalaq il-ħanut f’uffiċċju fuq in-naħa ta’ wara fejn qalet li Noth biesha u messha b’mod indiċenti ħafna. Ava qalet li fil-ħin tal-attakk sesswali, hija ppruvat twaqqaf lil Noth iżda dan ma riedx jaf. Dan sakemm it-tfajla qatlu li jkun aħjar jiltaqgħu x’imkien ieħor. Hija għamlet hekk biex tiżgiċċalu

Ava qalet li l-għada tal-attakk, hija kellha partijiet f’ġisimha juġgħawha.

Sport