Tuesday, December 24, 2024

‘Mafjuż’ ieħor meħlus fl-Italja

Aqra wkoll

Meta wieħed isemmi l-Mafja, awtomatikament moħħu jmur fuq il-Cosa Nostra ta’ Sqallija u fuq il-Camorra ta’ Napli. Però, ġewwa l-Italja hemm diversi gruppi Mafjużi oħra bħall-‘Ndrangheta li hija bbażata fir-Reggio Calabria u s-Sacra Corona Unita tal-Puglia. Għalkemm hemm xi membri tal-ġudikatura li għadhom ma aċċettawx l-eżistenza tagħha, anke ġewwa Ruma, hemm il-mafja li hija magħrufa mal-poplu Taljan bħala l-Mafia Capitale jew il-Mondo di Mezzo. Dan l-isem ta’ Mondo di Mezzo, ingħata minn Massimo Carminati, kriminal gwapp li kien u għadu l-moħħ wara diversi gruppi kriminali Rumani. Dan il-bniedem tant huwa fenomenu fid-dinja tal-kriminalità li fuqu nkitbu diversi kotba, inħadmu diversi films u anke saru mijjiet ta’ riċerki ġurnalistiċi minn ġurnali magħrufa bħall-Espresso li tah it-titlu ta’ wieħed mill-erba’ ‘Rejiet ta’ Ruma’. Bħalma rajna fil-każ ta’ Giovanni Brusca, membru tal-Mafja ta’ Sqallija li issa huwa bniedem liberu wara li skonta s-sentenza tiegħu, dan Carminati għadu kemm inħeles mill-ħabs wara deċiżjoni mill-Qorti tal-Appell.

Carminati l-Faxxista

Massimo Carminati llum għandu 63 sena. F’dawn l-aħħar 50 sena, Carminati rnexxielu jibni karriera fil-kriminalità li għamlitu persuna famuża madwar l-Italja kollha.

Carminati ġej minn familja ta’ negozjanti u twieled ġewwa Milan. Fis-snin sebgħin, huwa flimkien ma’ familtu, mar joqgħod ġewwa Ruma. Dawn kien snin diffiċli għall-Italja minħabba l-ħafna ġlied imdemmi li kien isir fit-toroq, bejn gruppi neo-faxxisti u Komunisti, kif ukoll mal-pulizija. Tant kien ikun hemm ġlied bl-armi li din l-era ngħatat l-isem tal-‘Anni di Piombo’ minħabba n-numru ta’ bullets li kienu jiġu sparati fit-toroq. Mal-wasla tiegħu ġewwa Ruma, Carminati ngħaqad ma’ diversi gruppi neo-faxxisti li kienu involuti f’ħafna ġlied bl-armi fit-toroq Rumani.

Carminati kien jiffrekwenta l-Fungo, bar ġewwa Ruma magħruf għan-nies kriminali u neo-faxxisti li jkun hemm fih. F’dan il-post, Carminati flimkien ma’ sħabu, lltaqgħu mal-krema tal-kriminalità Rumana. Fl-aħħar tas-snin sebgħin, Carminati ngħaqad man-Nuclei Armati Rivoluzionari, grupp neo-faxxista li kien jixbah ħafna lil xi milizzja armata. Minħabba xi reati li għamel ma’ dan il-grupp, meta kellu biss 22 sena, Carminati pprova jaħrab lejn l-Iżvizzera. Però, il-pulizija sparaw fuqu u fuq sħabu u lil Carminati laqtuh f’wiċċu u kważi tilef ħajtu. Però, wara numru kbir ta’ operazzjonijet diffiċli huwa ġie salvat iżda tilef għajnu x-xellugija. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, huwa dejjem ippreżenta ruħu b’għajnu mgħottija u kien hawn li ngħata l-laqam ta’ pirata.

Carminati u l-kriminalità

Carminati fl-aħħar iddeċieda li jħalli l-politika warajh u jidħol fil-kriminalità Rumana. Huwa ngħaqad mal-Banda della Magliana, grupp kriminali li kien imexxi l-kriminalità organizzata Rumana. Bħal Carminati, il-membri l-aktar prominenti ta’ dan il-grupp, fosthom Franco Giuseppucci, li kien l-ewwel mexxej ta’ din l-għaqda, kellhom għeruq faxxisti. Sabiex jiffinanzjaw ix-xiri tal-armi, dawn l-għaqdiet kienu jwettqu ħafna reati kriminali. Fil-fatt, bħala membru ta’ dan il-grupp, Carminati kien akkużat li kien ipparteċipa fis-serqa mic-Chase Manhattan bank. 

Carminati kien akkużat diversi drabi b’parteċipazzjoni f’diversi episodji traġiċi li saru parti mill-istorja tal-Italja. Dawn jinkludu l-qtil tal-ġurnalista Nino Pecorelli, kif ukoll fl-istraġi li saret fl-istazzjon tal-ferrovija ta’ Bologna. Ta’ min jgħid li Valerio Fioravanti, ex-attur f’diversi films Taljani, li kien wieħed mill-imħuh wara t-traġedja ta’ Bologna, kien ħabib kbir ta’ Carminati, wara li kienu fl-istess klassi tal-iskola. Ħaġa tal-għaġeb, Carminati dejjem irnexxielu jinħeles mill-akkużi.

Il-‘kapolavur’ kriminali ta’ Carminati seħħ fl-1999, meta hu u sħabu rnexxielhom jidħlu fil-kamra tas-sigurtà tat-Tribunale di Roma, wieħed mil-aktar bini mgħasses ġewwa l-Italia. Apparti somma enormi ta’ flus, Carminati u sħabu rnexxielhom jisirqu numru ta’ dokumenti sigrieti. Jingħad li dawn id-dokumenti ġew użati diversi drabi minn Carminati sabiex jirrikatta xi politiċi u membri tal-ġudikatura sabiex jiżgiċċa minn xi akkuża li jkollu. Minhabba f’din is-serqa, fl- 2005, Carminati weħel 5 snin habs.

Il-Mafja Capitale u d-“Dinja tan-Nofs”

Fil-ġustizzja Taljana teżisti l-liġi magħrufa bħala il-‘41-bis’, li permezz tagħha dawk li jinstabu ħatja ta’ assoċjazzjoni Mafjuża jeħlu sentenzi iebsa ta’ ħabs.

Fl-2014, Carminati reġa’ tressaq il-Qorti akkużat fost akkużi oħra bħall-ġbir ta’ flejjes ta’ ‘protezzjoni’ mingħand vittmi ta’ rikatti, pussess ta’ oġġetti misruqa u armi, korruzzjoni fin-negozju u fil-politika, b’assoċjazzjoni mafjuża. Diversi recordings ta’ telefonati ta’ Carminati li wieħed jista’ faċilment jisma’ fuq l-internet, jagħtu stampa ċara tad-dinja li jgħixu fiha dawn il-kriminali Rumani. 

Fi kliem Carminati stess, li nstema’ f’waħda minn dawn it-telefonati li ġew interċettati mill-pulizija, din id-dinja li huwa semmieha bħala l-‘mondo di mezzo’ jew ‘id-dinja tan-nofs’,  hija l-pont bejn id-dinja li qiegħda dejjem esposta u li jgħixu fiha nies bħal politiċi u n-negozjanti u d-dinja moħbija tal-kriminalità. 

Skont l-istess Carminati, it-tnejn għandhom bżonn ta’ xulxin. Fil-fatt, fost dawn it-telefonati hemm uħud li juru l-involviment tal-kriminalità Rumana sabiex tiġi eletta persuna partikolari bħala s-Sindku ta’ Ruma, l-indħil ta’ Carminati sabiex jintrebħu kuntratti tal-ġbir tal-iskart madwar Ruma u addirittura ta’ min jieħu l-flus allokati mill-Unjoni Ewropea sabiex jiġu akkomodati l-klandestini.

Wara numru kbir ta’ seduti, Carminati ġie kkundannat għall-14-il sena ħabs b’xogħol iebes skont kif jiddetta il-’41-bis’.

Meħlus

Ftit ġimgħat ilu, il-Qorti Suprema tal-Appell, iddeċidiet li Carminati, b’differenza għal dak li kien ġie deċiż fl-2014, ma kienx jagħmel parti minn assoċjazzjoni Mafjuża iżda li kien biss jagħmel parti minn grupp kriminali. Għalhekk is-sentenza tnaqqset prattikament bin-nofs wara li ġie meħlus mill-madmad tal-’41-bis’. Għalhekk, biż-żmien ta’ ħabs li diġà skonta, huwa ġie eleġibbli sabiex jinħeles.

Naturalment, din id-deċiżjoni ġabet ħafna kritika għas-Sistema tal-Ġustizzja Taljana, l-aktar minħabba li r-recordings ftit ħallew dubju li l-modus operandi ta’ Carminati ftit huwa differenti minn dak użat mill-Camorra u l-Cosa Nostra. L-unika ħaġa li jidher li Carminti qatt ma nvolva ruħu fiha hija t-traffikar tad-drogi. Kellhom raġun dawk il-ġurnatisti li qalu li għandhom suspett li d-dokumenti li kien seraq Carminati qegħdin jagħmlu xogħolhom. Mhux ta’ b’xejn li għal ħafna Rumani, Carminati għadu wieħed mill-erba’ rejiet ta’ Ruma, titlu li kien ingħata lilu mill-ġurnal influwenti Taljan l-Espresso lura fl-2012.

Ekonomija

Sport