Tuesday, April 16, 2024

“It-taħsir fil-governanza msemmi fl-inkjesta skatta ferm qabel l-2013”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem ġie ppubblikat ir-rapport finali tal-inkjesta pubblika b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-gvern min-naħa tiegħu aċċetta l-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport u kien il-Prim Ministru Robert Abela nnifsu li talab skuża għal kull fejn seta’ kien hemm nuqqas min-naħa tal-istat.

B’reazzjoni għal dan l-MEP Alfred Sant qal li l-gvern għamel sewwa li aċċetta dawn il-konklużjonijiet u se jagħmel sew li jara li jwettaq ir-rakkomandazzjonijiet indikati fl-istess rapport.

Minkejja dan Sant qal li dan kollu m’għandux inessi d-dgħufijiet tar-rapport finali. Huwa sostna li skont ir-rapport donnu t-taħsir fil-governanza tal-pajjiż skatta fl-2013, meta l-mudell kien ilu jinħema u jitħaddem mis-sena 1991 jekk mhux qabel.

“Jekk it-taħsir aċċellera minn wara l-2013, dan sempliċement għax il-ġrajjiet tal-20 sena ta’ qabel urew kemm kienet ħaġa faċli għall-governanza werċa biex « tirnexxi »”, kompla l-MEP Laburista.

Sant tenna jgħid li onorabbli kemm huma onorabbli, il-kittieba tar-rapport tal-inkjesta, la kienu preparati u lanqas lesti, soċjalment, kulturalment, legalment u forsi anke politikament, biex jidħlu f’dal-qasam tal-affari, li żgur jinfed kull firda partiġġjana.

Fir-reazzjoni tiegħu Sant jgħid li jista’ jagħti l-każ li hemm dnubiet strutturali fil-governanza tal-pajjiż aktar u forsi akbar milli ssemmew fir-rapport, li kumulattivament wasslu għal dak li ġara, u li ċertament ma ħoloqhomx il-gvern ta’ wara l-2013 imma li kienu hemm minn ħafna qabel.

Sant temm jgħid li ċertament li l-analiżi ta’ dawn in-nuqqasijiet li huwa jsejjaħ bħala “dnubiet” kienet teħtieġ metodu lil hinn minn kull partiġjaniżmu.

Ekonomija

Sport