Sunday, March 23, 2025

MAĠĠORANZA

Aqra wkoll

Fil-Ġermanja, il-kanċellier-li-daqt-ikun Merz mill-partit demokristjan ippropona flimkien mas-soċjalisti demokratiċi li se jkunu fil-koalizzjoni tiegħu bidla kontroversjali ħafna fil-kostituzzjoni Ġermaniża. Ħtiġilha żewġ terzi tal-voti fil-Parlament biex titwettaq. Permezz tagħha se jiġu llaxkati l-limiti li timponi l-kostituzzjoni fuq kemm il-pajjiż jista’ jiddejjen. Minkejja li wara negozjati magħhom, il-Ħodor (li se jinżammu barra mill-koalizzjoni ġdida ta’ gvern) iddeċidew li jappoġġjaw il-bidla, din kellha tgħaddi mill-Parlament b’vot ta’ żewġ terzi xejn qawwi. U għaddiet.

L-istramba hi li l-Parlament li vvota dwarha hu l-“antik”, mhux dak li ġie elett fl-elezzjoni tax-xahar li għadda. Skont il-prattika Ġermaniża, l-“antik” jibqa’ attiv sal-ġimgħa wara li jkun ittieħed dal-vot kostituzzjonali. Merz u sħabu ddeċidew li jipproponu l-bidla lill-parlamentari li waslu fl-aħħar tal-mandat tagħhom. Kienu jafu li fil-Parlament il-ġdid, il-proposta ma tgħaddix.

Mil-lat demokratiku, tagħmel sens dil-ħaġa? Mhux ta’ b’xejn fuq hekk ukoll qamet kontroversja. Ħafna ħassewhom skomdi b’dil-proċedura.

IL-ĠODDA

Partit politiku ġdid jew minoritarju kif għandu jibni l-appoġġ popolari tiegħu? F’Malta jidher li min qed jipprova jagħmel hekk jemmen li dan jista’ jsir bil-ħolqien ta’ gruppi ta’ nies li jressqu proposti ta’ politika fuq materji li dwarhom in-nies huma mħassba, bħall-ambjent u l-bini. Hemm ċerta loġika “naturali” f’din l-istrateġija. Imma kemm tista’ tkun effettiva?

Mingħajr mobilizzazzjoni ta’ appoġġ mill-qiegħ hu dubbjuż jekk partit “ġdid” jistax itir. L-aħħar darba li dil-ħaġa ġrat f’pajjiżna kien fis-snin sittin tas-seklu l-ieħor. It-tnejn li kienu madankollu – il-Partit Demokratiku Nazzjonalista ta’ Ganado u l-Partit tal-Ħaddiema Insara ta’ Pellegrini insaqu separatament fuq parti mis-segwaċi tal-PN u l-PL li kienu urtati jew imbeżżgħa ħafna bix-xejra li ħa l-partit tagħhom.

Ma jidhirx li partiti ġodda llum jistgħu jibbenefikaw mill-istess dinamika.

TIFKIRIET

Titqajjem il-mistoqsija dwar kemm hu minnu li pożizzjonijiet politiċi tal-lum huma kundizzjonati minn x’ġara lbieraħ u qabel. Diġà rreferejt għal dil-ħaġa f’dal-blogg mhux daqstant ilu. Mhux kulħadd jaqbel. Għalija hi ħaġa evidenti. Ħa nagħti żewġ eżempji.

Fil-mod kif il-mexxejja Russi tal-lum iħarsu lejn xi jdawwarhom, żgur li hi qawwija t-tifkira ta’ kif f’nofs is-snin 90 tas-seklu l-ieħor, wara x-xoljiment tal-Unjoni Sovejtika u r-riformi mdaħħla mill-Punent, il-poplu Russu sofra tbatijiet kbar, anke ġuħ.

Fil-mod kif il-mexxejja Pollakki jqisu ċ-ċirkostanzi tal-lum, żgur jiftakru kif fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija pajjiżhom ġie ttradut u sparpaljat mill-Ġermanja Nażista u mill-Unjoni Sovjetika.

It-tifkira ta’ dawn l-esperjenzi ħorox (u oħrajn bħalhom) hi parti integrali minn kif jitqiesu u jitħaddmu minnhom it-tnejn (u pajjiżi oħra) l-għażliet politiċi li jsibu quddiemhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport