Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela inawgura magna ġdida tal-Bone Density fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Ġie spjegat kif permezz ta’ din il-magna jitwettaq bone density scan biex jitkejjel il-kontenut minerali fl-għadam. Dan l-iscan jipprovdi informazzjoni dwar tnaqqis fil-massa tal-għadam u jgħin fl-assessjar tat-trattament għall-kundizzjoni ta’ osteoporożi. Din tirrendi l-għadam aktar fraġli b’riskju akbar ta’ ksur.
L-għan ta’ dan l-investiment hu li jindirizza il-ħtieġa, li dejjem qed tikber, ta’ scans fl-għadam, fejn huwa stmat li se jsiru madwar 1,500 scan fis-sena. Għaldaqstant dan l-investiment se jwassal għal servizzi tal-kura tas-saħħa aktar effiċjenti.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif dan is-servizz ġdid li se jingħata permezz tal-magna l-ġdida, ser ikun qed jikkumplimenta għadd ta’ servizzi oħrajn li jingħataw fl-Isptar t’Għawdex fejn minnu, pazjenti Għawdxin qed ikomplu jinqdew f’Għawdex stess. Dr Abela tenna kif permezz ta’ dan l-investiment mhux biss qed nipprevjenu li persuna tweġġa serjament, imma wkoll qegħdin ninvestu fil-benesseri tal-individwu u nevitaw interventi serji u diżabilità.
“Illum qed naraw investiment ieħor mal-kullana ta’ investiment li qed isiru fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Kommessi li nkomplu mal-viżjoni tagħna li nkomplu noffru kura preventiva tal-ogħla livell lill-Għawdxin f’Għawdex stess”, temm jgħid il-Ministru Abela.

