Wednesday, April 24, 2024

Maher Aljasem jinżamm arrestat wara li wieġeb mhux ħati bil-qtil ta’ Fawez

Iż-żagħżugħ inqatel b'daqqiet ta' sikkina f'argument f'Marsalforn

Aqra wkoll

Maher Aljasem ta’ 24 sena, Sirjan li joqgħod Marsalforn, wieġeb mhux ħati meta llejla tressaq quddiem il-Maġistrat Bridgette Sultana, mixli bil-qtil ta’ Fawez. Aljasem qed ikun mixli wkoll li ħebb għal Sirjan ieħor u darbu ħafif.

F’dan l-istadju ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest u għalhekk l-akkużat inżamm arrestat.

7:30 p.m: Grupp ta’ Sirjani jinġabru quddiem il-Qorti t’Għawdex

Ftit tal-minuti ilu tressaq quddiem il-qorti r-raġel li qiegħed ikun akkużat bil-qtil ta’ Fawaz Najem.

Quddiem il-Qorti bi stennija għal dan il-mument laħqu nġabru grupp ta’ Sirjan u mal-wasla tal-akkużat kien hemm ukoll kommossjoni u storbju.

L-akkużat deher liebes lbies protettiv u akkumpanjat minn sigurtà stretta matul il-vjaġġ kollu tiegħu, inkluż fuq il-vapur tal-Gozo Channel.

4:30 p.m: Illejla jitressaq raġel mixli bil-qtil ta’ Fawaz Najem fil-Qorti t’Għawdex

Dan is-sit jinsab infurmat li aktar tard illejla se jkun qiegħed jitressaq raġel mixli bil-qtil taż-żagħżugħ Fawaz Najem.

Ir-raġel se jkun imressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana fil-Qorti t’Għawdex għall-ħabta tas-7:30 p.m.

Huwa mifhum li l-persuna li se jkun mixli bil-qtil huwa wieħed mill-persuni li ftit wara l-każ, li seħħ is-Sibt filgħaxija, kienu arrestati u interrogati mill-Pulizija.

9:00 a.m : Identifikat il-vittma tal-aħħar omiċidju

Iż-żagħżugħ li miet wara argument li seħħ is-Sibt filgħaxija ġie identifikat bħala Fawaz Najem. Il-każ seħħ f’appartament fi Triq il-Wied, Marsalforn, Għawdex.

Filwaqt li l-Pulizija tad-Distrett flimkien mar-Rapid Intervention Unit (RIU) marru fuq il-post fejn daħlitilhom informazzjoni mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex li tlett irġiel kienu daħħlu l-isptar żagħżugħ fil-periklu li jitlef ħajtu. Infatti Najem kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.

Mill-investigazzjonijiet li saru jidher li l-argument seħħ bejn grupp ta’ Sirjani li l-età tagħhom tvarja bejn l-24 sena u d-29 sena u waqt l-argument intużaw diversi oġġetti iebsin fosthom injam, siġġijiet u s-sikkina.

Ritratt: Uffiċċju tal-Komunikazzjoni, Il-Korp tal-Pulizija ta’ Malta

L-isptar iddaħħlu wkoll tlett irġiel oħra li kienu involuti fl-argument u li għadhom qed jinżammu għal osservazzjoni minħabba xi ġrieħi li ġarrbu, taħt sorveljanza tal-pulizija.

It-tlett irġiel li ħadu lill-vittma l-isptar u raġel ieħor ġew arrestati u nġiebu fil-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Floriana għal aktar stħarriġ.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Bridgette Sultana li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Għawdex dwar dan l-omiċidju għadhom għaddejjin.

Dan hu r-raba’ omiċidju mill-bidu tas-sena, it-tieni wieħed f’Għawdex. Fl-ewwel tliet każi ta’ qtil investigati, il-Pulizija ressqu nies il-Qorti u xlewhom bl-omiċidji.

Sport