Friday, May 24, 2024

Maħfra b’kundizzjonijiet stretti għal min abbuża minn benefiċċji soċjali

Aqra wkoll

Persuni li jkunu taw lura flus mhux dovuti lilhom fil-każ ta’ irregolarità f’għajnuna soċjali jistgħu jingħataw maħfra mill-proċeduri kriminali taħt diversi kundizzjonijiet, dik ewlenija tkun li jixhdu kontra min ħadem din l-iskema.

Il-Gvern fi stqarrija qal li l-Kabinett tal-Ministri rrakkomanda lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono biex tingħata l-maħfra lil persuni li jkunu raddew il-flus u lesti jixhdu kontra min ħadem l-iskema ta’ abbuż mis-sistema tal-benefiċċji soċjali.

Il-Gvern qal bl-aktar mod ċar li l-ebda maħfra ma tgħodd għal min kien l-arkitett, ippromova jew instiga dawn l-irregolaritajiet.

Il-kundizzjonijiet li bihom tingħata l-maħfra huma dawn:

  1. illi l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jippreżentaw talba bil-miktub lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali fejn jikkonfermaw illi huma jixtiequ jibbenefikaw minn din il-maħfra u jagħtu t-tagħrif fattwali kollu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali li jkun jinħtieġ mingħandhom dwar it-talba tagħhom;
  2. Illi l-persuni konċernati li jkunu eliġibbli għal din il-maħfra jħallsu lid-Direttur tas-Sigurtà Soċjali l-ammonti kollha miksuba minnhom mingħajr ma kienu eligibbli ghalihom flimkien ma’ dak l-ammont ta’ spejjeż amministrattivi li jiġi stabbilit fid-diskrezzjoni tad-Direttur, jew jilħqu ftehim validu u bil-miktub mad-Direttur tas-Sigurtà Soċjali dwar kif se jħallsu lura l-ammonti miksuba minnhom indebitament u l-imsemmija spejjeż amministrattivi;
  3. Illi d-Direttur tas-Sigurtà Socjali jikkonferma bil-miktub illi l-persuna konċernata tkun issodisfat il-kundizzjoni B;
  4. Illi d-Direttur tas-Sigurtà Socjali jressaq lill-Kummissarju tal-Pulizija l-konferma msemmija fil-paragrafu C u l-Kummissarju tal-Pulizija jgħaddi dik il-konferma lill-Ministeru għall-Ġustizzja sabiex ikun jista’ jikkonferma l-ħruġ tal-maħfra lill-applikant;
    5 .Illi l-għoti ta’ maħfra lil xi persuna skont din il-Proklama m’għandu bl-ebda mod jiġi interpretat bħala li qiegħed jeżenta lil xi persuna li tkun ibbenefikat mill-maħfra milli tixhed u tgħid is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa kull meta tkun imħarrka jew meħtieġa skont xi liġi li tixhed dwar iċ-ċirkostanzi kollha li wasslu għall-ħlas indebitu tal-benefiċċju soċjali li dwaru tkun inħarġet maħfra, fi proceduri kontra haddiehor.
  5. Il-maħfra tkun irtirata u għandha titqies li qatt ma ngħatat jekk il-benefiċċjarju jirrifjuta li jixhed jew jonqos milli jagħti xi depożizzjoni mitluba minnu skont il-liġi jew jekk jirriżulta illi f’xi depożizzjoni l-benefiċċjarju ma jkunx xehed is-sewwa, is-sewwa kollu u xejn ħlief is-sewwa;
  6. Illi din il-maħfra tapplika biss għall-persuni li rċevew l-imsemmija benefiċċji mingħand id-dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u ma tapplikax għall-persuni li kienu l-artefiċi, il-promoturi jew l-istigaturi tar-reati koperti minn din il-maħfra, lanqas f’dik il-parti fejn huma setghu wkoll ircevew xi beneficcju socjali ndebitament;

L-istqarrija temm tgħid li wara li din ir-rakkomandazzjoni kienet ikkomunikata lill-President ta’ Malta, l-E.T. l-President ta’ Malta qablet ma’ din ir-rakomandazzjoni u fil-25 ta’ April 2024 bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilha bl-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, ordnat li tingħata l-maħfra taħt il-kundizzjonijiet imsemmija.

Sport