Maħżen ġdid għall-Kunsill Lokali taż-Żejtun permezz ta’ ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali taż-Żejtun sabiex proprjetà tal-istess Awtorità tgħaddi għand il-Kunsill Lokali għall-użu bħala maħżen li se jservi għall-ħtiġijiet u l-operat ta’ kuljum tal-kunsill għall-ħames snin li ġejjin.

Il-proprjetà, li tinsab fi Triq id-Dulliegħ, iż-Żejtun, tkopri medda ta’ madwar 260 metru kwadru u se tkompli ssaħħaħ il-faċilitajiet disponibbli għall-kunsill biex ikun jista’ joffri servizz aktar effiċjenti lir-residenti.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal li dan il-ftehim huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qed ikompli jappoġġja lill-kunsilli lokali billi jqiegħed proprjetà pubblika għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex ikunu jistgħu jtejbu s-servizzi offruti lill-komunità. Huwa sostna li meta l-kunsilli jingħataw ir-riżorsi meħtieġa, ikunu f’pożizzjoni aħjar biex iwettqu l-ħidma tagħhom b’mod effettiv u fl-aħjar interess tar-residenti.

Is-Sindku taż-Żejtun Joan Agius qalet li dan il-maħżen se jkun ta’ għajnuna kbira għall-kunsill, hekk kif se jipprovdi spazju adegwat għall-ħażna tal-apparat u l-materjal meħtieġ għax-xogħol ta’ kuljum. Hija rringrazzjat lill-Awtorità tal-Artijiet u lill-Gvern għall-kollaborazzjoni u l-appoġġ kontinwu lejn il-kunsill.

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun Anton Falzon.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport