F’dan ix-xahar ta’ Awwissu, dawk li jħobbu l-mużika ser ikollhom iċ-ċans li jgawdu s-sbuħija, il- passjoni u l-kobor tal-mużika orkestrali permezz ta’ żewġ kunċerti eċċezzjonali fil-miftuħ ġewwa
Pjazza Teatru Rjal mill-Malta Concert Orchestra u l-Malta Philharmonic Orchestra. Fil-21 ta’ Awwissu, il-Malta Concert Orchestra ser tkun qed tibni fuq is-suċċess kbir tal-edizzjoni tas-sena l-oħra ta’ Notte Napoletana b’lejla oħra ddedikata għas-seħer tal-mużika Naplitana.
L-udjenza se tiġi ttrasportata lejn il-qalba tan-Nofsinhar tal-Italja permezz ta’ programm li jinkludi wħud mill- aktar melodiji Naplitani għal qalb in-nies, interpretati minn solisti lokali rinomati Nadia Vella (Sopran), Giosuè Agius (Tenur) u Ken Scicluna (Baritonu) u akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Maestro Dario Salvi, il-kunċert ser ikun ċelebrazzjoni mill-isbaħ ta’
waħda mill-aktar tradizzjonijiet mużikali sinjuri tal-Italja.
Ġimgħa wara, fit-28 ta’ Awwissu, l-attenzjoni ddur fuq il-Malta Philharmonic Orchestra għal Grand March Spectacular, kunċert spettakolari li jippreżenta wħud mill-akbar marċi sinfoniċi fl-istorja taħt
id-direzzjoni ta’ Maestro Christopher Muscat. Minn fanfari trijonfali u ċerimonjali sa temi ikoniċi miċ- ċinema, l-udjenza se tgawdi lejla ta’ mużika li ispirat ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-programm jinkludi xogħlijiet famużi ta’ Mendelssohn, Schubert, Paolino Vassallo, Elgar, Bizet, Verdi, Johann Strauss, Berlioz, Tchaikovsky u John Williams, b’biċċiet popolari bħal Pomp and Circumstance, Wedding March, Marche Slave, The Raiders March minn Indiana Jones u l-leġġendarja Imperial March minn
Star Wars; vjaġġ mużikali tassew ta’ ispirazzjoni, mimli enerġija, grandjożità u melodiji li ma jintesew qatt.
Iż-żewġ kunċerti, li ser jittellgħu fi Pjazza Teatru Rjal u jibdew fit-8:30pm, ser joffru lill-udjenza żewġ serati memorabbli li juru l-aqwa ta’ dawn iż-żewġ orkestri Maltin.
Għal aktar informazzjoni u biljetti wieħed jista’ jżur is-sit tat-teatru pjazzateatrurjal.mt jew il-mezzi
soċjali tat-teatru.


