Friday, May 9, 2025

Mal-200 food courier jissieħbu fil-GWU

Aqra wkoll

Mal-200 ħaddiem li jqassmu l-ikel (food couriers) impjegati mal-kumpanija Wolt daħlu bħala membri fil-General Workers’ Union biex tassistihom u tiddefendilhom l-interessi tagħhom.

Fl-aħħar ġimgħat, dawn il-ħaddiema kienu lmentaw bis-sitwazzjoni tagħhom f’dak li jirrigwardja l-benefiċċji u l-pagi li kienu qed jirċievu u kien għalhekk li ssieħbu fil-GWU biex tħarsilhom id-drittijiet tagħhom.

Fil-fatt, l-Erbgħa li għadda saret laqgħa għal dawn il-ħaddiema fil-bini tal-GWU bl-intenzjoni li jiġu organizzati aħjar. “Il-messaġġ ċar lejhom kien li hemm bżonn li norganizzaw rwieħna kif suppost u li l-union qiegħda hemm biex tħarsilhom id-drittijiet tagħhom u dak li huwa dovut lilhom bi dritt, jiħduh kollu,” qal is-Segretarju tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel Kevin Abela f’kummenti ma’ dan il-ġurnal. 

Is-Segretarju Abela żied jispjega li l-ġimgħa d-dieħla se tkun qiegħda ssir laqgħa oħra li preżenti għaliha se jkun hemm hu flimkien ma’ grupp żgħir ta’ nies li għandhom id-dettalji kollha sabiex jiġu fformulati t-talbiet tagħhom f’dokument wieħed. Dawn it-talbiet imbagħad iressquhom kemm lill-kumpanija Wolt u anke lil kumpaniji oħra li huma impjegati magħhom. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport