Thursday, December 26, 2024

Mal-4,000 parteċipant f’taħriġ għall-edukaturi dwar l-edukazzjoni online f’inqas minn xahrejn

Aqra wkoll

Hekk kif is-servizzi edukattivi prinċipali marru online mal-għeluq tal-iskejjel fit-13 ta’ Marzu li għadda, mal-4,000 edukatur li jaħdmu fl-etajiet ta’ edukazzjoni mandatorja ħadu sehem f’taħrig speċjalizzat dwar metodi ta’ tagħlim online. Dan it-taħriġ sar f’temp ta’ inqas minn xahrejn permezz ta’ numru ta’ sessjonijiet tekniċi varji organizzati mid-Direttorat għat-Tagħlim Diġitali fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Statistika li ngħatat lil dan il-ġurnal turi li wara l-għeluq tal-iskejjel ġew intensifikati l-isforzi biex l-edukaturi tagħna jkunu mħarrġa għall-isfida li jgħallmu bil-mezzi online u ġew provduti sessjonijiet ta’ taħriġ (li jissejħu webinars) li ntlaqgħu tajjeb ħafna f’diversi suġġetti marbuta mat-tagħlim online.

Apparti minn dan it-tahrig, saru wkoll sessjonijiet ta’ sapport individwali li permezz tiegħu jkun hemm aktar għajnuna diretta lill-parteċipanti.

Il-webinars qed jolqtu suġġetti varji. Minn kif tuża d-diversi għodda marbuta ma’ programmi elettroniċi u allura tkun tista’ toħloq aktar interess fit-tagħlim onlajn, sa’ forom ta’ tagħlim b’differenza, kif toħloq kwiżiż, lezzjonijiet, kif tuża l-powerpoint b’mod approfondit, kif ittella’ filmat u wkoll kif tagħmel l-editing tiegħu, u għexieren ta’ suġġetti oħra.

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol iniedi aktar riżorsi online

Dan imur ‘il hinn ma’ korsijiet oħra ta’ taħriġ li ġew provduti b’xejn lill-edukaturi u ġenituri mill-Istitut għall-Edukazzjoni dwar suġġetti varji għat-tisħiħ tal-iżvilupp professjonali tal-edukatur fejn għad li l-korsijiet ma kinux dwar ħiliet marbuta mat-tagħlim online, fil-korsijiet infushom intuża l-metodu ta’ taghlim online. Anki hawn hemm rispons tajjeb għaliex fl-aħħar sejħa tal-Istitut għall-Edukazzjoni li saret f’April applikaw 379 edukatur u 1,214 ġenitur.

In-numru provduti lil dan is-sit juru li għaddejjin sforzi importanti ħafna mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex din l-isfida tinqaleb f’opportunità għall-ġid tal-istudent.

Il-webinars li jgħinu lill-edukaturi jitħarrġu dwar il-metodi varji tat-tagħlim online huma miftuħa kemm għall-edukaturi tal-iskejjel tal-Istat u wkoll għal dawk fl-iskejjel tal-Knisja u fl-iskejjel Indipendenti. Wara dawn il-webinars hemm ħsieb u wkoll pjan meqjus. Tant li hemm sessjonijiet li jagħtu attenzjoni partikolari għall-bżonn ta’ edukaturi individwali, imma wkoll għal skejjel individwali. Apparti dan, il-webinars huma mfassla b’tali mod li hemm sessjonijiet indirizzati għal edukaturi li jgħallmu fi skejjel Primarji, oħrajn għal dawk li jagħllmu fi skejjel Sekondarji, skejjel Intermedji, bażikament għal kull sena jew livell fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna.

Aktar minn hekk, uħud mill-webinars jindiriżżaw settur aktar delikat. Fit-tagħlim tradizzjonali fil-klassijiet tal-iskola, studenti vulnerabbli jew studenti li għandhom kundizzjoni jingħataw attenzjoni partikolari. Għalhekk it-tim professjonali li hemm wara dawn il-webinars ħaseb biex jindirizza sessjonijiet b’mod partikolari għħal edukaturi li jieħdu ħsieb lil dawn l-istudenti. B’hekk anki edukaturi li jgħallmu fi skejjel jew fi klassijiet li għandhom studenti li jridu aktar attenzjoni qed ikollhom sessjonijiet indirizzati għalihom.

F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Dr Owen Bonnici sostna li l-missjoni tal-Ministeru li nsaħħu li l-istudenti biex jirnexxu bħala ċittadini diġitali globali issa ħadet xerja differenti.  “Waqt li qabel,” qal Bonnici, “l-mira kienet li nappoġġaw u niggwidaw lill-komunità edukattiva biex tagħmel il-bidla minn tagħlim tradizzjonali għal ambjenti ta’ tagħlim u kompetenzi ġodda, issa ma’ din il-mira żdiedet il-mira li permezz tal-informatika u r-realtà virtwali jkompli jitwassal it-tagħlim.”

“F’dan is-settur ta’ tagħlim online il-Gvern għandu ambizzjoni kbira li pajjiżna jkun mudell għal pajjiżi oħra ta’ kif tista’ ssir edukazzjoni permezz tat-teknoloġija tal-informatika”

Owen Bonnici

“Din mhix ambizzjoni bla bażi. Meta faqqgħet il-pandemija konna fuq quddiem, anki qabel pajjiżi oħra, li dħalna għal impenn bla preċedent biex naraw li din il-pjattaforma ta’ tagħlim nagħtuha l-attenzjoni kollha meħtieġa biex nużawha għall-ġid tal-istudent u tal-edukatur. Addattajna għas-sitwazzjoni b’mod spedit ħafna u wasalna fejn wasalna llum għax kellna r-rieda li naraw li naslu b’mod għaqli, imma bla telf ta’ żmien”.

“Tant huwa hekk, li l-edukaturi mall-ewwel fehmu u wkoll urew impenn biex it-tagħlim online ikollu s-suċċess tiegħu. Il-maġġoranza tal-edukaturi litteralment xammru l-kmiem u taw l-isofrzi kollha tagħhom biex ikunu jistgħu jkomplu għaddejjin bit-tagħlim lill-istudenti tagħhom. Saħansitra, apparti dak li ħejja l-Ministeru għall-Edukazzjoni, kien hemm ukoll edukaturi li huma stess ħolqu inizjattivi għall-ġid tal-istudenti,” sostna Dr Bonnici.

Huwa qal li l-Ministeru saħħaħ iI-ħidma għaliex ried ikompli jħarreġ lill-edukaturi tagħna dwar kif jistgħu jgħallmu online lil uliedna u lil ulied uliedna. “Aħna rridu l-aħjar għal uliedna u rridu nkunu l-aqwa f’dan is-settur”, emfasizza l-Ministru Owen Bonnici.

Dan it-taħriġ għall-edukaturi ma kienx l-uniku żvilupp pożittiv fil-kamp tat-tagħlim bl-informatika li seħħ fl-aħħar jiem. Fil-fatt matul il-ġimgħa li għaddiet tnieda l-portal teleskola.mt li jipprovdi iktar minn 1,000 lezzjoni u attività għall-istudenti b’xejn u bla ħlas, mis-snin bikrin sa’ tmiem is-sekondarja.

Il-portal teleskola.mt li jipprovdi iktar minn 1,000 lezzjoni u attività għall-istudenti

Ekonomija

Sport