Monday, May 13, 2024

Gvern li jieħu deċiżjonijiet – ftehim dwar l-iskart tal-kostruzzjoni

Aqra wkoll

Filwaqt li Gvern Nazzjonalista kien jabbuża mis-setturi tal-barrieri u l-iskart tal-kostruzzjoni, u falla totalment milli jirregola dan is-settur tant importanti għal pajjiżna, dan il-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet iebsin u kuraġġużi li jwasslu għar-riżultati li l-poplu jistħoqlu, għall-ġid ta’ pajjiżna. 

Fil-jiem li għaddew, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia ħabbar pjan biex is-settur tal-iskart tal-kostruzzjoni jiġi rregolat fit-tul u b’mod sostenibbli. 

Dan seħħ permezz ta’ intervent f’waqtu mill-Ministru u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li ħadmu matul l-aħħar ġimgħat biex bħalma sar riċentament f’setturi oħra, iniedu pjan li permezz tiegħu jirregolaw suq ieħor.

L-intervent sar fid-dawl li s-suq ma ħadimx kif mistenni, b’konsegwenzi li l-barrieri li pajjiżna għandu ma kienux qed jilqgħu l-ammont kbir ta’ skart iġġenerat minn proġetti infrastrutturali tal-gvern u bil-prezz offrut. 

Biex tiġi solvuta l-problema li l-pajjiż kien qed jaffaċċja fejn jidħol l-iskart tal-kostruzzjoni, li minħabba fiha saħħansitra kien hemm riskju li jieqaf ix-xogħol ta’ kostruzzjoni, il-Ministru organizza sensiela ta’ laqgħat individwali ma’ numru kbir ta’ sidien tal-barrieri kif ukoll mal-Malta Developers Association (MDA) li tirrappreżenta l-maġġoranza tagħhom bil-għan li tiffaċilita d-diskussjoni.

Fl-aħħar jiem, il-ministeru u l-ERA waslu għal ftehim mal-MDA, li jirrappreżentaw il-maġġoranza ta’ dawn is-sidien, bil-ftehim ikun li s-sidien jingħataw eżenzjoni ta’ taxxa li biha jiġu ntaxxati 5% biss bil-kundizzjoni li jilqgħu l-materjal bit-€12 kull tunellata.

Dawn il-miżuri se jgħinu biex l-ERA tibda minnufih taħdem biex tirregola din l-industrija u biex jiddaħħlu prattiċi tajba u impjanti għar-riċiklar. Hawn ukoll se ssir ħidma biex il-ġebla tiġi użata iktar minn darba taħt il-kunċett ta’ reduce, reuse, recycle. B’hekk il-Ministeru se jkun qed jassigura li dan is-settur mhux biss jiġi rregolat iżda jitjieb u jilħaq il-livell li jmiss. 

Inewsmalta hi infurmata li l-ERA se tkun qed timplimenta numru ta’ miżuri biex tirregola aħjar dan is-settur darba għal dejjem. Waħda mill-miżuri se tkun li fil-proċess ta’ commencement notice fil-proċess ta’ permessi ta’ żvilupp, irid ikun identifikat is-sit ta’ fejn se jintrema l-iskart mill-iżviluppatur. Dan ifisser li żviluppatur mhux se jkun jista’ jibda jaħdem mingħajr ma jiddikjara fejn se jkun qed jarmi l-iskart. B’hekk, mhux se nispiċċaw f’sitwazzjoni fejn ikun hemm skart ta’ konstruzzjoni u ma jkunx hemm fejn jintrema. Iktar minn hekk, kundizzjonijiet f’kuntratti għall-użu tal-barrieri, f’permessi ta’ operat u ta’ użi se jkunu skrutinati u infurzati mill-entitajiet responsabbli b’kordinament bejniethom. Il-Ministru qal li dan se jkun qed jagħti futur sostenibbli lill-industrija.

Il-ministru jtenni li llum il-ġurnata l-gvern għad għandu l-possibilità li jordom materjal nadif li ġej minn din l-industrija (inert waste) fil-baħar f’sit speċifiku fl-ibħra territorjali ta’ pajjiżna. Dan is-sit li kien ġie identifikat fis-snin 60, intuża kemm-il darba fil-passat bl-iktar każ riċenti jkun skart tal-kostruzzjoni primarjament mis-settur privat ta’ proġetti qrib il-kosta.  

Il-Ministru jerġa’ jtenni li filwaqt li din hi għażla li għandu quddiemu u li jista’ jieħu, il-ħidma li saret fl-aħħar ġimgħat wasslet biex l-għażla preferuta, jiġifieri li l-materjal imur fil-barrieri li għandu pajjiżna, tibqa’ dik implimentata.

Sport