MALTA ATTRAENTI GĦALL-INVESTIMENT DIRETT BARRANI

Aqra wkoll

Ħafna mill-investituri barranin jaraw lil Malta bħala destinazzjoni attraenti għall-investiment dirett barrani. Dan huwa ċertifikat ta’ kemm pajjiżna joffri kundizzjonijiet tajbin għall-investiment. 

L-investiment qabel jiddeċiedi fejn se jmur, jara illi l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ikunu b’saħħithom, integri u imparzjali. Jara li jkunu wkoll stabbli politikament u ekonomikament. 

Dan kollu ħareġ f’dawn il-jiem mill-isħarriġ annwali tal-kumpanija rinomata Ernst & Young għas-sena 2026. Minn dan l-istudju ħareġ li disgħa minn kull 10 kumpaniji esprimew l-intenzjoni tagħhom li jżommu jew jespandu l-operat tagħhom f’pajjiżna fit-12-il xahar li ġejjin. 

Turija ta’ kemm hija b’saħħitha l-ekonomija ta’ Malta u l-fiduċja tal-investituri barranin u lokali għall-ġejjieni tal-investiment tagħhom f’pajjiżna. 

Madankollu, fl-istess jum li ħarġu dawn ir-riżultati pożittivi dwar Malta u l-istituzzjonijiet tagħha, żewġ Ewroparlamentari Nazzjonalisti nfexxew f’attakki kontra Malta fejn saħansitra qalu li l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna mhumiex integri. 

Diskorsi bħal dawn ma jirriflettux il-verità. Tant li l-Kummisjoni Ewropea stess faħħret l-avvanzi li Malta għamlet fir-rigward tas-saltna tad-dritt u l-ġustizzja. Bla dubju iżda għad fadal aktar riformi x’jitwettqu. 

L-istess diskorsi lanqas jirriflettu l-pożittività tal-investituri li jħarsu lejn pajjiżna b’fiduċja u ottimiżmu għall-ġejjieni. Dan qed ngħiduh għaliex ebda investitur ma hu se jissogra li jmur jinvesti flusu u n-negozju tiegħu f’pajjiż fejn l-istituzzjonijiet mhumiex integri.

Għalhekk intennu li kemm it-tifħir tal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll l-ottimiżmu tal-investituri barranin iġibu fix-xejn kwalunkwe narrattiva jew diskorsi fil-Parlament Ewropew, illi f’Malta l-istituzzjonijiet mhumiex joperaw kif għandhom joperaw. 

Kif sostna l-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament Malti, il-Kap tal-Oppożizzjoni jekk verament l-interess nazzjonali għalih jiġi qabel kollox, għandu jaġixxi b’mod li jara li ma jsirux diskorsi kemm f’Malta kif ukoll barra minn xtutna li jistgħu jagħmlu ħsara irreparabbli lir-reputazzjoni u l-ekonomija ta’ pajjiżna. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport