“Fi ħdan l-Unjoni Ewropea, Malta baqgħet vuċi favur il-paċi u d-djalogu. Ikkontribwejna b’mod kostruttiv u tanġibbli għall-isforzi tal-Unjoni fil-konsolidazzjoni tal-paċi u l-għajnuna umanitarja. Meta għamilna dan, ma neħħejniex minn quddiem għajnejna l-obbligi Kostituzzjonali tagħna u ssalvagwardjajna l-parametri sovrani li ilna nżommu fit-tul.”
Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors li għamel waqt l-iskambju tal-awguri għas-sena l-ġdida mal-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat għal Malta fil-Berġa ta’ Kastilja.
Dr Abela beda biex qal li fl-2025, Malta kompliet taħdem b’diliġenza fuq it-tfittxija tagħha għall-paċi u d-djalogu internazzjonali, f’kuntest partikolarment diffiċli.
Dwar l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, il-Prim Ministru qal li l-pożizzjoni ta’ Malta tibqa’ waħda konsistenti, fir-rigward tal-proċess diplomatiku li għaddej. “L-għaqda hi essenzjali,” qal Dr Abela. “Flimkien ma’ msieħba internazzjoni oħra, irridu nibqgħu determinati fit-tfittxija għal paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u qal li fix-xhur li ġejjin, din is-sitwazzjoni se tibqa’ punt ewlieni fuq l-aġenda tal-politika barranija ta’ Malta.
Qal li s-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża tibqa’ kritika, u qed jikber it-tħassib dwar l-istatus tal-Palestinjani li jgħixu fil-West Bank. “Huwa għalhekk li f’Settembru 2025 ħabbart ir-rikonoxximent uffiċjali ta’ Malta tal-Istat tal-Palestina. Dan il-pass, għalkemm fundamentali, huwa biss wieħed minn ħafna oħrajn li huma meħtieġa.”
Huwa żied isemmi li Malta segwiet ukoll mill-qrib l-iżviluppi riċenti fil-Veneżwela u stqarr li “l-eżitu għandu jkun soluzzjoni paċifika, negozjata u demokratika.”
Sadanittant, il-Prim Ministru tkellem dwar diversi temi oħra li qal li jirrikjedu “rispons kordinat nazzjonali”, fosthom it-tibdil fil-klima, id-diġitalizzazzjoni u l-intelliġenza artifiċjali, oqsma ekonomiċi ġodda u l-ħtieġa ta’ taħriġ kontinwu, reskilling u upskilling. Huwa proprju f’dan il-kuntest li l-Gvern ħejja l-Malta Vision 2050, li se titnieda fil-ġimgħat li ġejjin.

