Sunday, December 22, 2024

Malta bi rwol importanti għal riżoluzzjonijiet li jistgħu jwasslu għal soluzzjonijiet

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin jisħaq dwar ir-rispett li kibet Malta barra minn xtutna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Dak li se nkun qiegħed nitkellem dwaru ma twettaqx minn Ian Borg. Ma twettaqx minni imma minn kull uffiċjal ġewwa l-Ministeru fid-direttorati rispettivi u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikkontribwixxew”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg waqt id-diskussjoni tal-estimi finanzjarji tal-budget 2024 għall-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli.

Il-Ministru qal li l-gvern baqa’ jippromwovi l-valuri demokratiċi u dawk tal-paċi anke meta bl-ikbar serjetà ttieħdu deċiżjonijiet importanti fid-dawl tal-gwerra mhux provokata tar-Russi fuq l-Ukrajna u l-ġlieda bejn l-Hamas u l-Iżrael. Huwa qal li l-gvern Malti ma nħebiex b’xi skuża jew oħra wara l-kostituzzjoni tagħna li tgħid li aħna militarment newtrali. 

“Iżda dak ma jfissirx li rridu nagħlqu għajnejna, nagħlqu widnejna u nagħlqu ħalqna meta naraw min qiegħed b’mod sfaċċat jikser il-liġijiet u t-trattati internazzjonali”, kompla Borg filwaqt li sostna li bħala pajjiż newtrali niddependu fuq is-sigurtà u huma l-istess liġijiet li lilna jagħtuna dak is-serħan il-moħħ. Il-Ministru qal li rrispettivament ta’ min kien l-aggressur u l-vittma, pajjiżna għażel li jieħu n-naħa tas-sewwa.

Rigward l-iżviluppi tas-7 t’Ottubru bl-attakk tal-grupp terroristiku Hamas fuq nies innoċenti ġewwa l-Iżrael. Huwa qal li fl-istess nifs, inħarġet it-twissija li r-rispons, id-difiża li għandu dritt l-Iżrael irid ikun skont il-liġijiet internazzjonali u qegħdin naraw kif il-poplu Palestinjan qiegħed iħallas għall-azzjonijiet li wettaq il-grupp Hamas. Il-Ministru saħaq li huwa importanti li nkomplu nenfasizzaw li l-poplu Palestinjan, in-nies ċivili mhumiex il-grupp Hamas u l-grupp Hamas ma jirrappreżentax il-kawża Palestinjana.

Lejn prodott li jwassal għal soluzzjoni…

Fakkar dwar l-irwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà matul dawn is-sentejn u kif għadha għaddejja bl-isforzi tagħha biex dan il-Kunsill jeżerċita l-poteri mogħtija lilu biex jasal għal prodott li jwassal għas-soluzzjoni.

“U allura mhux biss issemma’ leħinha kif talbet l-Oppożizzjoni llum. Malta qiegħda tilgħab rwol importanti u tikkordina riżoluzzjonijiet li jekk Alla jrid ikunu anke addottati. Konna konsistenti fil-pożizzjoni li addottajna bħala gvern u eventwalment ġiet addottata wkoll minn dan il-parlament u baqgħet tiġi riflessa f’kull vot li kien hemm”, kompla l-Ministru Borg. 

“Jiena se nagħżel li nagħti rendikont tal-ħidma li saret min-naħa tal-gvern f’dan l-irwol kritiku fir-rappreżentazzjoni u l-avvanz tal-interessi ta’ Malta u l-Maltin fix-xena internazzjonali b’mod partikolari f’dan iż-żmien kritiku li għaddejja fih u minnu d-dinja”, tenna Borg filwaqt li saħaq li l-ħajja ta’ dik it-tarbija Iżraelita tiswa daqs dik Palestinjana u viċi versa. Kompla biex jgħid li s-soluzzjoni aħħarija hija magħrufa u għalhekk hemm bżonn li tkompli l-ħidma lejn żewġ stati f’konformità mar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, b’Ġerusalemm il-kapitali ta’ żewġ popli li jistgħu jgħixu ħdejn xulxin.

Kuntatt kontinwu biex naqdu d-doveri u r-responsabbilitajiet

“Jien iltaqjt ukoll mhux biss mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iżraelit u mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Palestinjan, iżda anke ma numru ta’ Ministri oħrajn li qegħdin jiddiskutu magħna dawn l-iżviluppi”, żied jgħid Borg filwaqt li saħaq li Malta qiegħda f’kuntatt kontinwu biex taqdi d-dover u r-responsabbilitajiet tagħha fil-komunità internazzjonali u xejn inqas fil-Kunsill tas-Sigurtà. Fakkar fid-dibattitu li pajjiżna ppresieda fi Frar li għadda u li għalih attendew għexieren ta’ Ministri għall-Affarijiet Barranin li normalment jattendu biss waqt is-seduta ta’ Settembru li għaliha jkun hemm imlaqqa’ l-Assemblea Ġenerali. Fl-ewwel sena anniversarju mill-attakk tal-federazzjoni Russa fuq l-Ukrajna pajjiżna ra li jkun hemm l-importanza li jixraq f’dak id-dibattitu. Għall-ewwel darba wkoll saret diskussjoni dwar it-tibdil fil-klima fil-Kunsill tas-Sigurtà kif ukoll ġiet diskussa t-tema tat-tfal u l-kunflitti armati.

Kontribut finanzjarju għal-għajnuniet umanitarji

Fir-rigward tal-gwerra fl-Ukrajna, il-Ministru qal li pajjiżna mhux kien parti mis-soluzzjonijiet u l-kontribut finanzjarju fejn saret id-differenza biex il-flus imorru għal għajnuniet umanitarji u b’astenzjoni li dawn il-flus imorru għall-munizzjon. Fakkar dwar kif f’Malta nżammet it-tielet laqgħa biex 66 pajjiż ġew f’Malta u ddiskutew kif nistgħu naslu għall-paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna.Il-Ministru qal li allura b’dak li pajjiżna għamel sa mill-ewwel ġurnata fil-konfront taż-żewġ kunflitti, urejna konsistenza u qegħdin nappellaw biex mingħajr kundizzjonijiet, jinħelsu l-ostaġġi li għadhom qegħdin jinżammu.

L-importanza tal-Mediterran kif kwotat mill-ġgant politiku Duminku Mintoff

Il-Ministru Borg tkellem dwar l-importanza tal-Mediterran u qal li jieħu pjaċir jikkwota lil dak li skontu kien u jibqa’ l-aqwa Ministru tal-Affarijiet Barranin li qatt kellu pajjiżna fejn kien tenna li ma jistax ikollok paċi fid-dinja jekk ma jkollokx paċi fil-Mediterran. Kompla biex jgħid li uħud mill-Oppożizzjoni lanqas biss jafu li l-Perit Duminku Mintoff għamel 10 snin Ministru bħala ġgant fl-għarfien ta’ dan il-qasam.

Il-Ministru temm jirringrazzja lil dawk kollha li għażlu biex jibnu fuq it-tajjeb ta’ ħaddieħor għax dan huwa qasam li fih gvern u Oppożizzjoni dejjem ħadmu biex ikomplu jsaħħu dak it-tajjeb li jkun diġà sar. 

“Żgur li r-rispett li reġgħet kisbet Malta lil hinn minn xtutna huwa dovut lilkom u dan huwa apprezzat mill-poplu li jsegwi l-ħidma tagħkom”, temm jgħid Borg.

Ekonomija

Sport