Friday, May 17, 2024

“Li kieku s-siġar kienu se jinqerdu biex minflokhom isir konkrit kont inkun l-ewwel li nikkundanna”

Il-PM Robert Abela dwar is-sitwazzjoni fil-Mosta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-proposta mhijiex li 12-il siġra jiġu meqruda. Li kieku kien hemm 12-il siġra li kienu se jinqerdu biex minflokhom isir il-konkrit, kont inkun l-ewwel wieħed li noħroġ jien u nikkundanna b’saħħa kbira.” Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti rigward is-sitwazzjoni fil-Mosta. 

Dr Abela sostna esprima l-opinjoni tiegħu dwar il-bżonn li l-Kunsill Lokali għandu bżonn jikkomunika iżjed, jibqa’ miftuħ għall-opinjoni tal-pubbliku u jerġa’ jismagħhom. Il-Prim Ministru ċċara li d-deċiżjoni dwar it-12-il siġra li għandhom jinqalgħu fil-Mosta u jitħawlu f’żona oħra fl-istess lokalità kienet waħda unanima tal-Kunsill Lokali.

Dr Abela saħaq li m’għandux dubju mir-rieda tajba tal-membri fil-Kunsill Lokali tal-Mosta u nnota kif it-12-il siġra tal-ficus kellhom jinqalgħu u jitħawlu biex jgħixu f’żona oħra skont anki parir tal-esperti li dan jista’ jsir fil-perjodu ta’ bejn Novembru u Frar biex minflokhom jitħawlu 12-il siġra indiġena sabiħa.

Rigward is-soledarjetà li wera d-Deputat Laburista Randolph Debattista mal-Moviment Graffitti, il-Prim Ministru qal li min-naħa tiegħu se jkun qiegħed jibda billi jibgħat lill-attivist Andre Callus biex miegħu jiddiskuti aħjar.

“Għandi rispett lejn it-tennaċità illi juri fil-kawża tiegħu”, qal il-Prim Ministru hu u jisħaq l-jedd ta’ xi ħadd jipprotesta b’mod paċifiku għandu dejjem jiġi rispettat. Il-Prim Ministru qal li min-naħa tagħha l-Pulizija għandha d-dover li żżomm il-buon ordni u jeħtieġ li tagħmel dan fil-qies u fil-parametri tal-liġi.

Sport